Kors fil-kitba bil-Malti

Il-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti – offrut f’Malta u f’Għawdex

Jekk tuża l-Malti f’xogħlok u tixtieq ittejjeb il-kitba tiegħek bil-Malti, dan il-kors jgħodd għalik!

Ix-xahar id-dieħel (Frar 2014), id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jiftħu d-disa’ kors fil-qari tal-provi bil-Malti. Għal sena oħra, dan il-kors se jkun offrut kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Il-kors hu twil sena u l-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa:

F’Malta: l-Università (l-Imsida), nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis, mill-5.30pm sat-8.30pm.

F’Għawdex: l-Università (ix-Xewkija), nhar ta’ Ġimgħa mill-5pm sad-9pm u nhar ta’ Sibt mit-8.00am sa 12.00pm. Il-kors mhux neċessarjament li jerġa’ jiftaħ is-sena d-dieħla f’Għawdex ukoll, għalhekk inħeġġu lill-Għawdxin biex jaħtfu din l-opportunità.

Il-kors, minbarra li jħarrġek u jgħinek tirrevedi l-grammatika u l-ortografija tal-Malti biex tirfina l-kitba tiegħek bil-Malti, jagħtik ukoll l-opportunità li tiddiskuti u tifhem aħjar ir-regoli tal-kitba tal-Malti. Għal dan il-għan jinkludi kemm lezzjonijiet prattiċi ta’ korrezzjoni, kif ukoll sessjonijiet fuq il-kitba u t-tiswija tal-Malti bil-kompjuter.

Huwa kors imfittex ħafna minn dawk li jużaw il-Malti f’xogħolhom u fil-pubblikazzjonijiet, bħalma huma l-ħaddiema tal-kunsilli lokali u tal-parroċċi, l-impjegati taċ-Ċivil u tas-settur Privat, l-għalliema tal-Malti u mhux, dawk li jaħdmu fl-istamperiji, ix-xandara u l-ġurnalisti (gazzetti, internet u televixin), it-tradutturi, u kull min jixtieq jikteb il-Malti bla żbalji. Hemm diversi dipartimenti tal-Gvern li jieħdu l-inizjattiva b’interess u jħallsu l-kors għall-impjegati tagħhom. Barra minn hekk, tista’ tikkwalifika wkoll għall-Iskema TSS tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) li tissussidjalek parti mill-ħlas tal-kors.

L-applikazzjonijiet fetħu diġà u jibqgħu jintlaqgħu sal-Ġimgħa, 17 ta’ Jannar 2014. Il-formola tal-applikazzjoni timtela u tintbagħat mis-sit tal-Università.

Minn hawn issib il-ktejjeb bit-tagħrif kollu fuq il-kors (pdf). Tagħrif ieħor fuqu u fuq l-applikazzjoni ssibu minn dan is-sit  jew billi tikteb direttament lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Sejħa għall-Offerti għal Testi Letterarji

Mill-Gazzetta tal-Gvern tal-31 ta’ Diċembru 2013, nru 19,189 (p. 14,085).

Id-Direttur Ġenerali, Id-Diviżjoni Servizzi Korporattivi, fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jgħarraf li:

Sal-10.00 a.m. tat-Tlieta, il-21 ta’ Jannar, 2014 jintlaqgħu offerti magħluqin fil-kaxxa tal-offerti fit-Taqsima tal-Procurement, Kamra 205, Id-Diviżjoni tas-Servizzi Korporattivi fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Il-Bini tal-Edukazzjoni, Triq l-Assedju l-Kbir, Il-Furjana għal:

Avviż Nru. DQSE 278/13. Ġbir u stampar ta’ “Testi Letterarji tal-Malti għall-Ewwel u t-Tieni Sena tas-Sekondarja”.

L-offerti għandhom isiru flimkien mal-kundizzjonijiet relattivi u dokumenti oħra li jinkisbu mingħajr ħlas mit-Taqsima tal-Procurement, Kamra 205, Id-Diviżjoni tas-Servizzi Korporattivi fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Il-Bini tal-Edukazzjoni, Triq l-Assedju l-Kbir, Il-Furjana bejn it-8.30 a.m. u l-11.30 a.m.

Dawk interessati jistgħu jattendu għall-ftuħ u l-iskedar tal-offerti fil-ħin u d-data msemmija hawn fuq.

Il-Milied u s-Sena t-Tajba

Awguri mill-qalb għall-Milied u s-sena l-ġdida mid-Dipartiment tal-Malti.

Din il-kanzunetta sabiħa tal-Milied għaddithielna Sr Giovannita Briffa, il-Kap tal-Iskola San Franġisk ta’ Birkirkara. Il-kanzunetta nkitbet minn Mario Cucciardi, bil-mużika ta’ Andrew Zammit, u hi kantata mill-kor tat-tfal ‘Ilħna Ferrieħa’ tal-istess skola. Ġiet irrekordjata għand Tone Studios tal-Furjana. Nirringrazzjawhom. Grazzi wkoll lill-ħbieb tagħna Thomas Pace u Maria Azzopardi li ħejjew il-filmat ta’ mal-kanzunetta.

F’din il-paġna ssibu aktar riżorsi tal-Milied li tistgħu tużawhom mat-tfal fil-klassijiet tagħkom.

Ħrejjef

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Akkademja tal-Malti jistiednu lill-għalliema tal-Malti u l-edukaturi interessati fil-kultura ta’ pajjiżna għal esperjenza unika ċinematografika ta’ erba’ ħrejjef Maltin.

Din se ssir fiċ-ċinema tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru 2013, fil-5.00 ta’ filgħaxija. L-attività ddum madwar nofs siegħa. Id-dħul huwa b’xejn.

Min biħsiebu jiġi għandu jikteb lis-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti, is-Sur Joe Borg, fuq info@akkademjatalmalti.com. Iċ-ċinema tesa’ 100 ruħ u jkunu aċċettati biss dawk li jirriservaw posthom l-ewwel.

Tagħrif ieħor dwar din l-attività ssibu hawn. Narawk!

Inżommu l-irwiegel għas-sena d-dieħla

Li wieħed iżomm l-irwiegel hija tradizzjoni antika ħafna tagħna l-Maltin. Huwa mod li missirijietna kienu jużaw biex ibassru t-temp tas-sena li tkun ġejja.

Din tal-irwiegel nistgħu nużawha mat-tfal tagħna biex inbassru t-temp tas-sena li ġejja, l-2014. Agħfas hawnhekk u niżżel it-tabella. Din tista’ tkabbarha u tipprintajaha, u mbagħad twaħħalha fil-klassi. Wara t-tabella ssib ukoll għadd ta’ stampi tat-temp li tista’ tqasqashom biex timla t-tabella bihom.

Żomm f’moħħok li l-irwiegel nibdew noħduhom fit-13 ta’ Diċembru, jiġifieri l-Ġimgħa li ġej. Kull ġurnata naqsumha fi tlieta, jiġfieri filgħodu jfisser il-bidu tax-xahar, nofsinhar ifisser nofs ix-xahar, u filgħaxija tfisser l-aħħar tax-xahar.

Mela, jekk filgħodu tat-13 ta’ Diċembru jkun bnazzi, ifisser li l-bidu ta’ Jannar li ġej se jkun bnazzi. Jekk f’nofsinhar ikun il-maltemp, ifisser li f’nofs Jannar li ġej se jkun maltemp. U jekk filgħaxija tat-13 ta’ Diċembru jkun imsaħħab, ifisser li lejn tmiem Jannar li ġej se jkun imsaħħab. 

Mela għax ma tippruvawx iżżommu l-irwiegel fil-klassijiet tagħkom? Tistgħu tqabddu lit-tfal stess iżommu l-irwiegel u tiktbuhom fit-tabella li għamilnielkom. Ħudu gost!

Nirringrazzjaw lil Helen Barbara li ħejjiet it-tabella.