Temmejna 2 korsijiet oħra fl-ortografija tal-Malti. Dawn kienu mmirati għall-għalliema li jgħallmu fil-Primarja. Nirringrazzjaw lill-għalliema kollha li attendew għall-interess ġenwin tagħhom. Huwa l-gost tagħna li naraw għalliema bħal dawn jaġġornaw il-ħiliet tagħhom fil-Malti biex iwasslu l-aqwa tagħlim lill-istudenti li jgħallmu. Prosit lil Chris Giordano u lil Oriana Spiteri, il-letturi tal-korsijiet.
Ħajr lil Marija Montebello, il-Kap tal-Iskola Sekondarja Tal-Ħandaq, tal-Kulleġġ San Injazju, li għal darb’oħra laqgħetna bi ħġarha fl-iskola tagħha. Ħajr ukoll lill-President u d-Direttur tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Prof. Ray Fabri u s-Sur Thomas Pace, kif ukoll lis-Sur Gaetano Bugeja, id-Direttur tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, għall-għajnuna tagħhom biex jittella’ dan il-kors, li bħalu se norganizzaw oħrajn.
Bħalissa għaddejjin ukoll b’korsijiet oħra għall-għalliema tal-Primarja u tas-Sekondarja f’Għawdex u b’kors ieħor f’Malta għall-għalliema li ma jgħallmux il-Malti imma li jgħallmu suġġett bil-Malti, bħall-Ġeografija, l-Istorja, l-Istudji Soċjali, ir-Reliġjon u l-Iżvilupp Personali Soċjali u għall-Karriera.