Kotba Diġitali

Werrej tal-Paġna


 

Ittri Kkuluriti 2 (.apk)

‘Ittri kkuluriti’ hija applikazzjoni maħsuba għal tfal li jixtiequ jitgħallmu kliem bażiku marbut mal-ewwel ħames ittri tal-alfabett. Din l-applikazzjoni tinkludi fiha 11-il attività differenti bi struzzjonijiet li qed jingħataw b’żewġ lingwi. Għal kull min jixtieq jitgħallem il-lingwa Maltija, din l-applikazzjoni toffri opportunità li jisma’ l-ewwel ħsejjes u jaqra kliem ħafif bil-Malti.



 

Mill-ħajja ta’ Ċiko (.apk)

‘Mill-Ħajja ta’ Ċiko’ huwa ktieb diġitali maqsum f’erba’ stejjer. Ċiko, kelb ċkejken ta’ lewn kannella, dejjem jagħmel xi waħda tinkiteb! L-istejjer huma maħsuba għat-tfal tar-Raba’ Sena tal-Primarja u jinkludu magħhom ħames attivitajiet u għodda li biha l-istudenti jistgħu jirrekordjaw leħinhom biex wara jużawh fir-rakkont. 



 

Nenu n-nemlu (.apk)

‘Nenu n-nemlu’ ta’ Doreen Scerri hija storja diġitali dwar l-importanza li wieħed jikkuntenta b’dak li jkollu. Nenu n-nemlu kien jgħix ma’ ommu u ħutu f’toqba fil-ħajt, maġenb il-kċina ta’ Bertu. Hu kien jgħaddi ġranet sħaħ jitgħażżen u dejjem jilmenta li ma riedx jaħdem aktar. Ommu ta’ spiss kienet twissih li min jorqod ma jaqbadx ħut! Imma Nenu baqa’ jwebbes rasu u darba ħajtu kienet se tinbidel minn lejl għal nhar. Dan il-ktieb huwa maħsub għat-tfal tar-Raba’ Sena tal-Primarja u jinkludi miegħu sitt attivitajiet.



 

Pollina tingħaqad mal-annimali (.apk)

‘Pollina Tingħaqad mal-Annimali’ hija storja diġitali dwar id-diversità. Pollina l-pantera ma tkunx aċċettata mill-annimali l-oħra tal-ġungla għax ma kinux imdorrijin jaraw bħalha. L-annimali kollha kienu jwarrbuha u jħarsulha bl-ikrah. Dan il-ktieb huwa maħsub għat-tfal tas-Sitt Sena tal-Primarja u tinkludi magħha sitt attivitajiet.


 

Żaqqinu jagħżel x’jiekol (.apk)

‘Żaqqinu jagħżel x’jiekol’ hija storja ħelwa elettronika fuq serp li kien jeħtieġ l-għajnuna ta’ sħabu biex jitgħallem jiekol ikel bnin u tajjeb għal saħħtu. L-istorja hija maħsuba għat-tfal tas-Snin Bikrin u tinkludi magħha logħob u eżerċizzji edukattivi.



 

Pinu jżomm ruħu nadif (.apk)

‘Pinu jżomm ruħu nadif’ hija storja elettronika fuq xadin li ma kienx iħobb jinħasel. Bis-saħħa ta’ Żaqqinu s-serp, Pinu jinbidel u jsir nadif u f’saħħtu. L-istorja hija maħsuba għat-tfal tas-Snin Bikrin u tinkludi magħha eżerċizzju u logħba.


 

Ċetta tagħmel ħbieb ġodda (.apk)

‘Ċetta ċ-Ċerva Tagħmel Ħbieb Ġodda’ huwa ktieb diġitali dwar ċerva li spiċċat waħedha, imwarrba minn kulħadd. Is-saħħara Belinda flimkien mal-annimali l-oħra tal-ġungla għenu lil Ċetta tingħaqad lura mal-qraba tagħha u tgħix ħajja aktar indipendenti. L-istorja hija maħsuba għat-tfal tar-Raba’ Sena tal-Primarja u tinkludi magħha tliet attivitajiet.