Aġġornament fil-Karta tal-Eżami Annwali tal-11-il sena – 2025

It-Taqsima tal-Malti tad-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar qed toħroġ gwida ta’ kif se tkun imfassla l-karta tal-eżami tal-11-il sena skont is-sillabu aġġornat taċ-ĊES 2025, inkluż l-Appendiċi. Din il-gwida tidħol fis-seħħ għall-eżami annwali ta’ Marzu 2025.

L-eżami tal-11-il sena se jkun maqsum f’żewġ sessjonijiet: il-karta tal-oral (10 minuti) u l-karta tal-kitba (sagħtejn).
1. L-Oral (12-il marka) – Dan isir f’sessjoni għalih f’ġurnata differenti.
2. Il-Qari u l-Kitba (88 marka) f’sessjoni waħda.

L-Oral se jikkonsisti:
i. qari mgħajjat ta’ paragrafu mis-silta (2 marki);
ii. tweġib u diskussjoni fuq il-mistoqsijiet marbuta mat-test moqri (5 marki);
iii. diskussjoni fuq tema megħjuna bl-użu ta’ stampa (5 marki).

L-istudenti se jingħataw 10 minuti ta’ preparazzjoni qabel għall-qari, il-mistoqsijiet u d-diskussjoni.

Il-Qari u l-Kitba se tikkonsisti minn:
i. L-istudenti se jingħataw erba’ titli b’erba’ ġeneri differenti tal-kitba twila minn fejn jagħżlu. Il-kriterji tal-kitba se jkunu dawk imsemmija fis-sillabu taċ-ĊES aġġornat f’Lulju 2024 (240-270 kelma għal-livell 1-2, u 270-300 kelma għal-livell 2-3). L-istudenti jridu jagħżlu u jiktbu fuq titlu wieħed (22 marka). Il-ġeneri tal-kitba li jistgħu jiġu assessjati fl-eżami annwali huma dawk li saru mid-9 sal-11-il sena. Importanti li l-għalliema jħarsu lejn il-kriterji stabbiliti tal-ġeneri tal-kitba li jinsabu f’Appendiċi 5.
ii. Fehim il-Qari bil-mistoqsijiet referenzjali u inferenzjali, kif ukoll mistoqsijiet oħra li jittrattaw kriterji tal-assessjar mill-kisbiet tal-ħila tal-qari (22 marka);
iii. Eżerċizzju tal-morfoloġija u eżerċizzju tas-semantika. It-tipi differenti ta’ eżerċizzji li jistgħu jsiru għal din it-taqsima jinsabu f’Appendiċi 1 (22 marka);
iv. Fil-parti tal-letteratura se jkun hemm żewġ taqsimiet: taħriġ fuq test mhux imħejji (unseen text) u komponiment letterarju (150 kelma għal-livell 1-2 u 200 kelma għal-livell 2-3). F’din il-parti l-istudenti jridu jwieġbu ż-żewġ taqsimiet. Għall-unseen text, l-istudenti se jwieġbu xi mistoqsijiet li jittrattaw il-kontenut, ir-referenza għat-test, l-interpretazzjoni u l-evalwazzjoni tal-poeżija jew tan-novella, il-metrika jew il-prosodija misjuba fihom, u l-effetti li jinħolqu permezz tagħhom. Għall-komponiment letterarju, l-istudenti se jingħataw żewġ titli u jridu jagħżlu wieħed biex jagħtu l-fehma u r-reazzjoni tagħhom fit-tul. Importanti li l-għalliema jirreferu għal Appendiċi 3 għal-lista tat-termini letterarji u Appendiċi 4 għal-lista tax-xogħlijiet letterarji (22 marka).

Dawk l-għalliema li jkollhom xi mistoqsijiet jew diffikultajiet għandhom jitkellmu mal-Kap tad-Dipartiment tal-kulleġġ jew mal-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti.

Dan kollu huwa inkluż fiċ-ċirkulari tas-7 ta’ Jannar 2025 – DELH 004 /2025: Karta tal-eżami tal-11-il sena.

Żewġ ċirkularijiet importanti għall-Għalliema tal-Malti.

1. Ċirkulari dwar il-poeżiji u n-novelli obbligatorji għall-istudenti tal-Iskola Medja.

Għas-sena skolastika 2017 – 2018 se jkun hemm bidla fl-għażla ta’ poeżiji u novelli obbligatorji bil-Malti li jsiru fis-sentejn tal-Iskola tal-Medja. Ikklikkja hawn biex tara ċ-ċirkulari DLAP 056/2017.

2. Ċirkulari dwar il-marka biex studenti barranin jidħlu fil-mainstream u l-assessjar għas-sena skolastika 2017 – 2018

L-istudenti barranin li tul is-sena skolastika li għaddiet ġew assessjati fuq il-programm A1 tat-tagħlim tal-Malti lill-barranin li kien jinkludi 60% ta’ assessjar kontinwu u 40% karta tal-eżami, għandhom jitilgħu fil-mainstream jekk ġabu 75+ tal-marka globali. Fil-każ tal-iskejjel Medji u Sekondarji, dawn l-istudenti għandhom isegwu l-programm ta’ Rotta 1 u mhux tal-kompetenzi ewlenin. Ikklikkja hawn biex tara ċ-ċirkulari Ikklikkja hawn biex tara ċ-ċirkulari DLAP 056/2017

Biex tara ċ-ċirkularijiet kollha marbuta mat-tagħlim tal-Malti kklikkja hawn: malti.skola.edu.mt/cirkularijiet/

Pjan ta’ Ħidma għat-Tagħlim tal-Malti għall-Barranin u Laqgħa ta’ Informazzjoni

L-għalliema tal-Malti huma mgħarrfa li għas-sena skolastika 2015-2016 u sakemm jibdew jintużaw il-Kisbiet mit-Tagħlim tal-Malti bħala Lsien Barrani, għandhom jużaw il-pjan ta’ ħidma għat-tagħlim tal-Malti lill-klassijiet tal-istudenti barranin mehmuż ma’ din iċ-ċirkulari. Dan il-pjan huwa msejjes fuq il-Qafas Komuni Ewropew għal-lingwi, Livell A1.

Għat-tagħlim tal-Malti lill-barranin huwa rrakkomandat li jintuża l-metodu komunikattiv ibbażat fuq l-erba’ ħiliet tal-lingwa: is-smigħ, it-taħdit, il-qari u l-kitba. L-għalliema huma mħeġġa li jagħżlu xi kanzunetti, poeżiji u stejjer ħfief skont il-gosti u l-ħiliet tal-istudenti fejn jinħass li jkun meħtieġ, jew b’rabta mat-tema li tkun qiegħda ssir. Matul din is-sena għandu jsir assessjar formattiv, idealment waqt u wara kull tema tal-programm. Għal nofs is-sena l-għalliema jistgħu jagħtu test filwaqt li għall-aħħar tas-sena se tinħareġ karta tal-eżami mit-Taqsima tal-Assessjar Edukattiv.

L-għalliema tal-Malti huma wkoll mgħarrfa li fis-sit elettroniku tal-Malti malti.skola.edu.mt fit-taqsima tal-Malti għall-Barranin, hemm l-aġġornamenti u riżorsi oħra xierqa. Ittellgħu wkoll karti ta’ assessjar summattiv tal-Malti għall-Barranin li saru f’xi skejjel f’dawn l-aħħar sentejn. L-għalliema tal-Malti huma mħeġġa biex jagħmlu aktar użu minn dan is-sit u jikkontribwixxu għat-tkabbir tiegħu. Dan jistgħu jagħmluh billi jibagħtu r-riżorsi tagħhom lil xi ħadd mill-Uffiċjal Edukattivi tal-Malti billi jużaw l-indirizz elettroniku li jsibu fl-ewwel paġna tas-sit tal-Malti. Dawn ir-riżorsi jidhru f’isem min jibgħathom. B’dan il-mod inkunu qegħdin anke f’dan il-qasam inżidu r-riżorsi tal-bank u nsaħħu t-tagħlim tal-Malti għall-Barranin b’mod aktar ħaj u effettiv.

Linji gwida għall-eżamijiet tal-Primarja (2014-2015)

kitbaL-għalliema kollha tar-Raba’ u tal-Ħames Sena tal-Primarja huma mitluba jaraw il-linji gwida aġġornati tal-eżamijiet annwali tal-Malti ta’ din is-sena skolastika maħruġin mit-Taqsima tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu.

Il-linji gwida ssibhom hawn taħt u l-aġġornamenti fuq tas-sena l-oħra huma mlewnin bl-isfar.

Linji Gwida għar-Raba’ Sena tal-Primarja

Linji Gwida għall-Ħames Sena tal-Primarja

Ċirkulari