Li wieħed iżomm l-irwiegel hija tradizzjoni antika ħafna tagħna l-Maltin. Huwa mod li missirijietna kienu jużaw biex ibassru t-temp tas-sena li tkun ġejja.
Din tal-irwiegel nistgħu nużawha mat-tfal tagħna biex inbassru t-temp tas-sena li ġejja, l-2014. Agħfas hawnhekk u niżżel it-tabella. Din tista’ tkabbarha u tipprintajaha, u mbagħad twaħħalha fil-klassi. Wara t-tabella ssib ukoll għadd ta’ stampi tat-temp li tista’ tqasqashom biex timla t-tabella bihom.
Żomm f’moħħok li l-irwiegel nibdew noħduhom fit-13 ta’ Diċembru, jiġifieri l-Ġimgħa li ġej. Kull ġurnata naqsumha fi tlieta, jiġfieri filgħodu jfisser il-bidu tax-xahar, nofsinhar ifisser nofs ix-xahar, u filgħaxija tfisser l-aħħar tax-xahar.
Mela, jekk filgħodu tat-13 ta’ Diċembru jkun bnazzi, ifisser li l-bidu ta’ Jannar li ġej se jkun bnazzi. Jekk f’nofsinhar ikun il-maltemp, ifisser li f’nofs Jannar li ġej se jkun maltemp. U jekk filgħaxija tat-13 ta’ Diċembru jkun imsaħħab, ifisser li lejn tmiem Jannar li ġej se jkun imsaħħab.
Mela għax ma tippruvawx iżżommu l-irwiegel fil-klassijiet tagħkom? Tistgħu tqabddu lit-tfal stess iżommu l-irwiegel u tiktbuhom fit-tabella li għamilnielkom. Ħudu gost!
Nirringrazzjaw lil Helen Barbara li ħejjiet it-tabella.
Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Akkademja tal-Malti qed jorganizzaw taħdita fuq kunjomijiet Maltin ta’ nisel Taljan. It-taħdita se ssir l-Erbgħa, 11 ta’ Diċembru 2013 mill-5.30 sas-6.30 ta’ filgħaxija fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, u se tingħata minn Dr Mario Cassar.
Nhar l-Erbgħa 27 ta’ Novembru 2013 fis-6.30pm se ssir taħdita pubblika dwar “Dun Karm: Tamietu bejn Nazzjon u Fidi” mill-istudjuż Charlò-Carmel Camilleri O.Carm. Din se ssir fl-Università, tal-Qroqq, fiċ-Ċentru għall-Konferenzi Mikiel Anton Vassalli (Gateway, Sala A).

