Il-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti – offrut f’Malta u f’Għawdex
Jekk tuża l-Malti f’xogħlok u tixtieq ittejjeb il-kitba tiegħek bil-Malti, dan il-kors jgħodd għalik!
Ix-xahar id-dieħel (Frar 2014), id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jiftħu d-disa’ kors fil-qari tal-provi bil-Malti. Għal sena oħra, dan il-kors se jkun offrut kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Il-kors hu twil sena u l-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa:
F’Malta: l-Università (l-Imsida), nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis, mill-5.30pm sat-8.30pm.
F’Għawdex: l-Università (ix-Xewkija), nhar ta’ Ġimgħa mill-5pm sad-9pm u nhar ta’ Sibt mit-8.00am sa 12.00pm. Il-kors mhux neċessarjament li jerġa’ jiftaħ is-sena d-dieħla f’Għawdex ukoll, għalhekk inħeġġu lill-Għawdxin biex jaħtfu din l-opportunità.
Il-kors, minbarra li jħarrġek u jgħinek tirrevedi l-grammatika u l-ortografija tal-Malti biex tirfina l-kitba tiegħek bil-Malti, jagħtik ukoll l-opportunità li tiddiskuti u tifhem aħjar ir-regoli tal-kitba tal-Malti. Għal dan il-għan jinkludi kemm lezzjonijiet prattiċi ta’ korrezzjoni, kif ukoll sessjonijiet fuq il-kitba u t-tiswija tal-Malti bil-kompjuter.
Huwa kors imfittex ħafna minn dawk li jużaw il-Malti f’xogħolhom u fil-pubblikazzjonijiet, bħalma huma l-ħaddiema tal-kunsilli lokali u tal-parroċċi, l-impjegati taċ-Ċivil u tas-settur Privat, l-għalliema tal-Malti u mhux, dawk li jaħdmu fl-istamperiji, ix-xandara u l-ġurnalisti (gazzetti, internet u televixin), it-tradutturi, u kull min jixtieq jikteb il-Malti bla żbalji. Hemm diversi dipartimenti tal-Gvern li jieħdu l-inizjattiva b’interess u jħallsu l-kors għall-impjegati tagħhom. Barra minn hekk, tista’ tikkwalifika wkoll għall-Iskema TSS tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) li tissussidjalek parti mill-ħlas tal-kors.
L-applikazzjonijiet fetħu diġà u jibqgħu jintlaqgħu sal-Ġimgħa, 17 ta’ Jannar 2014. Il-formola tal-applikazzjoni timtela u tintbagħat mis-sit tal-Università.
Minn hawn issib il-ktejjeb bit-tagħrif kollu fuq il-kors (pdf). Tagħrif ieħor fuqu u fuq l-applikazzjoni ssibu minn dan is-sit jew billi tikteb direttament lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.