Żewġ korsijiet fl-ortografija għall-għalliema tal-Primarja f’Malta

Temmejna 2 korsijiet oħra fl-ortografija tal-Malti. Dawn kienu mmirati għall-għalliema li jgħallmu fil-Primarja. Nirringrazzjaw lill-għalliema kollha li attendew għall-interess ġenwin tagħhom. Huwa l-gost tagħna li naraw għalliema bħal dawn jaġġornaw il-ħiliet tagħhom fil-Malti biex iwasslu l-aqwa tagħlim lill-istudenti li jgħallmu. Prosit lil Chris Giordano u lil Oriana Spiteri, il-letturi tal-korsijiet.

Ħajr lil Marija Montebello, il-Kap tal-Iskola Sekondarja Tal-Ħandaq, tal-Kulleġġ San Injazju, li għal darb’oħra laqgħetna bi ħġarha fl-iskola tagħha. Ħajr ukoll lill-President u d-Direttur tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Prof. Ray Fabri u s-Sur Thomas Pace, kif ukoll lis-Sur Gaetano Bugeja, id-Direttur tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, għall-għajnuna tagħhom biex jittella’ dan il-kors, li bħalu se norganizzaw oħrajn.

Bħalissa għaddejjin ukoll b’korsijiet oħra għall-għalliema tal-Primarja u tas-Sekondarja f’Għawdex u b’kors ieħor f’Malta għall-għalliema li ma jgħallmux il-Malti imma li jgħallmu suġġett bil-Malti, bħall-Ġeografija, l-Istorja, l-Istudji Soċjali, ir-Reliġjon u l-Iżvilupp Personali Soċjali u għall-Karriera.

Żewġ korsijiet għall-ġenituri u n-nanniet

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti temmew b’suċċess żewġ korsijiet oħra fl-ortografija għall-ġenituri u n-nanniet. Kors minnhom tmexxa mis-Sa Claire Zerafa u ieħor mis-Sur Lawrence Deguara.

Dawk kollha li attendew ħadu gost ħafna u tgħallmu affarijiet ġodda fuq ir-regoli tal-kitba ta’ lsienna. Hekk se jkunu jistgħu jgħinu aħjar lil uliedhom u lin-neputijiet tagħhom fl-istudju.

Il-konkorrenza numeruża għal dawn iż-żewġ korsijiet bla ħlas, tħeġġiġna nkomplu noffruhom. Fil-fatt, dalwaqt norganizzaw aktar korsijiet bħal dawn.

Il-kors ta’ Novembru 2014

Il-kors ta’ Frar 2015

Kors fuq it-tagħlim tal-Malti lill-barranin

avvizNhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Frar 2015, se jsir kors dwar it-tagħlim tal-Malti lil studenti barranin. Kull skola Medja u Sekondarja hi mitluba tibgħat għalliem wieħed jew waħda, li preferibbilment qed j/tgħallem il-Malti lill-barranin.

Fil-kors se jkun hemm sessjonijiet teoretiċi u oħrajn prattiċi.

Tagħrif ieħor fuq il-kors u l-applikazzjonijiet issibu minn din iċ-ċirkulari.

Kors għall-għalliema tas-sekondarja

avvizL-għalliema kollha fl-iskejjel sekondarji (tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti) – b’mod speċjali dawk li jużaw il-Malti fit-tagħlim – u jħossu l-ħtieġa li jsaħħu l-għarfien tagħhom fl-ortografija, huma mistiedna jattendu għal kors ta’ aġġornament volontarju organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti bi sħab mad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu.

Tagħrif ieħor fuq il-kors u l-applikazzjonijiet issibu minn din iċ-ċirkulari.

Dan il-kors hu miftuħ għall-għalliema kollha tas-sekondarja. Tajjeb infakkru li ġie organizzat kors ieħor għall-għalliema tal-Malti biss li jgħallmu fl-iskejjel sekondarji tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti. Tagħrif ieħor fuqu ssibu minn din iċ-ċirkulari.

Kors għall-għalliema tal-primarja

avvizDawk kollha li jgħallmu fl-iskejjel primarji (tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti) huma mħeġġa jattendu għal kors ta’ aġġornament fuq bażi volontarja bl-isem L-Ortografija tal-Malti 1.

Dan hu kors ieħor organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti bi sħab mad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu. Il-kors se jsir fil-Kulleġġ San Injazju, Skola Sekondarja tal-Bniet, Tal-Ħandaq (Ħal Qormi). Tagħrif ieħor fuq il-kors u l-applikazzjonijiet issibu f’din iċ-ċirkulari.

Grazzi lill-Kap tal-Iskola, is-Sa Marija Montebello, li għoġobha tilqagħna għal dawn il-korsijiet fl-iskola tagħha.