Għeżież għalliema u ġenituri, ħsibna li nilqgħukom għas-sena skolastika l-ġdida b’rigal ta’ sitt kanzunetti ġodda bil-Malti għat-tfal ċkejknin. Dan huwa frott proġett ieħor bejn id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Nirringrazzjaw lilhom it-tnejn u lill-awturi u l-kompożituri tas-sitt kanzunetti.
Dawn il-kanzunetti nħadmu apposta biex jitkantaw mit-tfal fil-klassijiet mal-għalliema, u fid-djar mal-ġenituri. Fil-fatt, fil-filmat ta’ kull kanzunetta tidher żigarella bil-kliem tagħha ħalli t-tfal ikunu esposti għall-kliem miktub. Nittamaw li kemm intom kif ukoll it-tfal tagħkom tieħdu gost bihom.
Sadattant, il-kanzunetti dehru fis-sit tal-aħbarijiet newsbook u aħna qed naħdmu biex intellgħu aktar kanzunetti ħelwin bħal dawn, bil-lingwa sabiħa tagħna!
Dawn t’hawn taħt huma biss tnejn minnhom, imma l-kanzunetti ssibuhom kollha fuq l-istazzjon tal-YouTube tagħna, ilsien pajjiżi. Għalhekk tistgħu tużawhom ukoll mat-tfal mit-tablet jew mill-ismartphone.
Tista’ tara wkoll iċ-ċirkulari fuq dan il-proġett, minn hawn.
DAWN HUMA BISS TNEJN, KEMM TIEĦU IDEA. HEMM ERBGĦA OĦRA JISTENNEWK, HAWN!
Fit-8 ta’ Mejju li għadda, id-Dipartiment tal-Malti tad-Direttorat tal-Edukazzjoni flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Fondazzjoni HSBC Malta nedew il-kalendarju bil-Malti għall-Primarja. It-tnedija saret fl-Iskola Primarja tal-Marsa mat-tfal u l-amministrazzjoni tal-iskola. Għaliha attendew il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Prof. Ray Fabri, u s-Sa Sarah Watkinson, Viċi Kap tal-Fondazzjoni HSBC Malta. Preżenti wkoll kien hemm il-Prinċipal tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, James Camilleri u s-Segretarja tal-Fondazzjoni HSBC Malta, Doriette Camilleri.


