Kors għall-ġenituri fuq l-ortografija

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jistiednu lill-ġenituri li uliedhom huma studenti fl-iskejjel primarji jew sekondarji biex jattendu kors qasir bl-isem ‘L-Ortografija tal-Malti’. Dan hu mmirat għal dawk il-ġenituri li jixtiequ jsaħħu l-għarfien tagħhom fl-ortografija u jgħinu lil uliedhom fix-xogħol tal-Malti.

Il-kors se jsir jsir fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC) l-Ħamrun, ħdejn l-iskola Marija Assunta, mill-5pm sas-7pm f’dawn il-jiem:

MEJJU – il-Ġimgħa 16, 23, 30

ĠUNJU – il-Ġimgħa 6, 13, 20

Inħeġġu lill-ġenituri biex matul il-kors iressqu d-diffikultajiet ortografiċi li jiltaqgħu magħhom huma u wliedhom, speċjalment meta jkunu qed jagħtuhom daqqa t’id id-dar. Huwa importanti li l-ġenituri jgħaddu t-tagħrif korrett lil uliedhom u li jisħqu magħhom biex jiktbu b’Malti tajjeb.

Dawk kollha li jixtiequ jattendu dan il-kors għandhom jibagħtu ittra elettronika b’isimhom u kunjomhom, in-numru tal-identità, u l-indirizz postali u elettroniku tagħhom lill-Uffiċjal Edukattiv tal-Malti, is-Sur David Agius-Muscat fuq: david.agius.muscat@ilearn.edu.mt sa nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Mejju 2014. In-numru dirett tiegħu huwa 2598 2927.

Il-kors huwa bla ħlas u se jingħażlu l-ewwel ħamsa u għoxrin li japplikaw.

Min jattendi l-laqgħat kollha jingħata ċertifikat ta’ attendenza mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.

L-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti

Nixtiequ ngħarrfukom li r-responsabbiltajiet tal-Uffiċjali Edukattivi David Agius-Muscat, George Mifsud u David Muscat issa jinkludu wkoll l-aħħar tliet snin tas-Sekondarja. Għalhekk issa huma responsabbli mit-tagħlim tal-Malti tas-Snin Bikrin, tal-Primarja u tas-Sekondarja kollha.

It-tqassim tal-kulleġġi flimkien mal-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti abbinati magħhom tistgħu tarawhom hawnhekk.

Staqsini u nwieġbek fuq l-ortografija

Id-Dipartiment tal-Malti u l-Akkademja tal-Malti qed jorganizzaw taħdita għall-għalliema tal-primarja u tas-sekondarja fuq id-diffikultajiet li jista’ jkollhom fuq l-ortografija tal-Malti.

L-attività se jmexxiha Dr George Farrugia, lettur tal-Malti fl-Università ta’ Malta.

It-taħdita se ssir nhar it-2 ta’ Mejju 2014 mill-5.00 sas-6.30 ta’ filgħaxija, fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (National Curriculum Centre), il-Ħamrun.

Napprezzaw ħafna jekk id-diffikultajiet li għandkom fuq l-ortografija tibagħtuhom minn qabel lil Dr George Farrugia ħalli jkun jista’ jitkellem dwarhom dakinhar tat-taħdita. L-għalliema jistgħu jistaqsuh mistoqsijiet dak il-ħin ukoll.

Id-dħul huwa b’xejn.

Tagħrif ieħor issibuh f’din iċ-ċirkulari.

Taqbila – għanjiet tat-tfal

taqbilaId-diska kompatta Taqbila fiha 17-il poeżija ta’ poeti Maltin magħrufa, fosthom Dun Karm, Anton Buttigieg, Karmenu Vassallo, Ġorġ Pisani u Patri Anastasju Cuschieri. Il-mużika għall-poeżiji nkitbet minn Mro Dominic Galea. Dawn imbagħad tkantaw mit-tfal tal-Kor Mirabitur immexxi minn Simone Attard.

Din is-CD qed titqassam lil kull għalliem/a tal-iskejjel primarji tal-istat mill-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti tul din is-sena skolastika (2013-2014) u tul is-sena li ġejja (2014-2015).

L-għalliema jistgħu jiksbu wkoll xi karti tat-taħriġ u logħob marbut mal-istess għanjiet mis-sit elettroniku qawsalla.com. Tagħrif ieħor issibu minn din iċ-ċirkulari.

Films oriġinali mnebbħa mill-poeżiji tas-Sekondarja

Ftit tal-jiem oħra, l-għalliema tal-Malti u l-istudenti tal-Ewwel u t-Tieni Sena tas-Sekondarja se jkunu jistgħu jaraw fuq l-iskrins tal-kompjuters tagħhom u l-bords interattivi films qosra mnebbħa mill-poeżiji li hemm fis-sillabu tal-Malti. Dan kollu sar possibbli bis-saħħa ta’ proġett innovattiv li għaddej bejn l-Istitut tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST u l-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Nirringrazzjaw lill-istudenti tal-Midja tal-Istitut tal-Arti u d-Disinn, lil-lettur tagħhom Ian Attard, lid-Direttur tal-Istitut Stephen Vella u lill-Assistenti Diretturi Melanie Mizzi u Mark Theuma tas-sehem tagħhom.

Jekk intom interessati f’dan il-proġett, iktbu lill-Uffiċjal Edukattiv David Muscat. Sadattant, tistgħu taraw b’għajnejkom stess x’inhu jsir billi ssegwu, minn hawn taħt, iż-żewġ siltiet mill-ewwel żewġ poeżiji li qed naħdmu fuqhom.

L-ewwel film imnebbaħ mill-poeżija ‘Il-Barri’ ta’ Ġorġ Pisani
 

It-tieni film imnebbaħ mill-poeżija ‘Wied Qirda’ ta’ Dun Karm