Taħdita fuq kunjomijiet Maltin

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Akkademja tal-Malti qed jorganizzaw taħdita fuq kunjomijiet Maltin ta’ nisel Taljan. It-taħdita se ssir l-Erbgħa, 11 ta’ Diċembru 2013 mill-5.30 sas-6.30 ta’ filgħaxija fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, u se tingħata minn Dr Mario Cassar.

Tista’ taqra aktar fuq dan is-suġġett miċ-ċirkulari u din it-tagħrifa.

X’tgħid l-istatistika dwar it-tlissin ta’ “raha”

Nhar il-31 ta’ Ottubru 2013 l-Akkademja tal-Malti flimkien mad-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku tellgħu t-taħdita: Int kif tlissinha jaqraha? Il-kelliema kienet Christina Sammut li fit-teżi tagħha stħarrġet dan il-fenomenu lingwistiku fil-pronunzja innovattiva ta’ ċerti suffissi fil-Malti. Christina Sammut ibbażat ir-riċerka tagħha fuq Malta biss u spjegat li dan il-fenomenu huwa mifrux ħafna fost iż-żgħażagħ.

Fost l-oħrajn sabet li madwar 60% tal-parteċipanti fl-istħarriġ tagħha li għandhom bejn l-10 snin u l-15-il sena qed ilissnu jaqraħħa mhux jaqraa. Madwar 88% jlissnu jaqraħħulu u mhux jaqraulu. Min-naħa l-oħra, l-adulti u l-anzjani jlissnu l-iżjed il-pronunzja standard.

It-taħdita fetaħha l-Professur Albert Borg li fisser kif dan jiġri f’kull lingwa ħajja. Jista’ jkun li wieħed isibha iebsa biex jilqa’ t-tibdil, imma l-fatti rriċerkati juru li dan it-tibdil qed iseħħ gradwalment.

Wara l-preżentazzjoni ta’ Christina Sammut kien hemm diskussjoni. Wieħed mill-għalliema kien tal-fehma li huma għandhom jibqgħu jikkoreġu lill-istudenti waqt it-tlissin “żbaljat” tagħhom. Għalliema oħra semmiet kif xi xandara qed ikunu “mudelli ħżiena”.

Fl-aħħar tkellem il-President tal-Akkademja tal-Malti, Olvin Vella, li rringrazzja lil Christina talli qasmet magħna r-riċerka u radd ħajr lit-tliet uffiċjali edukattivi tal-Malti, David Agius Muscat, George Mifsud u David Muscat li qed jappoġġjaw lill-Akkademja biex twassal lill-għalliema il-frott tar-riċerka fuq il-lingwa u l-letteratura.

 

Jum Dun Karm 2013

Fit-18 ta’ Ottubru li ġej se nfakkru Jum Dun Karm. Kull skola hi mitluba biex fil-laqgħa mal-istudenti ta’ dakinhar filgħodu, tinqara l-bijografija ta’ Dun Karm minn xi ħadd mill-istudenti u xi poeżiji tal-Poeta Nazzjonali.

Din is-sena qed intellgħu wkoll l-Innu ta’ Filgħodu, miktub minn Dun Karm, bil-mużika tal-Mro Ġużeppi Caruana.

Id-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku flimkien mal-Kumitat Festi Nazzjonali, bħal kull sena, se jorganizzaw korteo u ċerimonja qasira ħdejn il-monument ta’ Dun Karm, il-Furjana. Dawk l-iskejjel li jixtiequ jibagħtu xi studenti għal din iċ-ċerimonja mitluba jikkuntattjaw lill-Uffiċjal Edukattiv tal-Malti, David Agius-Muscat fl-indirizz david.agius.muscat@ilearn.edu.mt. Tagħrif ieħor issibu fiċ-ċirkulari.

Inħeġġu wkoll lill-iskejjel biex itellgħu wirjiet fuq Dun Karm u jibagħtulna r-ritratti. Aħna ntellgħuhom f’dan is-sit.

Nitolbukom ukoll biex tagħfsu fuq il-kartellun ta’ Jum Dun Karm (li hawn fuq il-lemin) tipprintjawh, u twaħħluh fuq il-bord tal-avviżi tal-iskejjel tagħkom.

 

Issa wkoll mill-YouTube…

http://www.youtube.com/edukazzjonimt

Nieħdu gost ngħarrfukom li għadna kemm ftaħna stazzjon tal-YouTube speċjalizzat għar-riżorsi viżivi għat-tagħlim tal-Malti. Nistednukom tidħlu fih u tużaw dawn ir-riżorsi, li se nkomplu ntellgħu minn żmien għal ieħor, fil-klassijiet tagħkom.

Nirringrazzjaw lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti tal-appoġġ u lil Thomas Pace li qed jieħu ħsieb dan l-istazzjon.

Fost l-ilsna kollha, ja lsien pajjiżi,
isbaħ u bħalek jien ma narax;
ruħi mingħajrek bħal fomm imbikkem
li jrid jitkellem u ma jistax.

Anastasju Cuschieri