Jum Dun Karm 2013

Fit-18 ta’ Ottubru li ġej se nfakkru Jum Dun Karm. Kull skola hi mitluba biex fil-laqgħa mal-istudenti ta’ dakinhar filgħodu, tinqara l-bijografija ta’ Dun Karm minn xi ħadd mill-istudenti u xi poeżiji tal-Poeta Nazzjonali.

Din is-sena qed intellgħu wkoll l-Innu ta’ Filgħodu, miktub minn Dun Karm, bil-mużika tal-Mro Ġużeppi Caruana.

Id-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku flimkien mal-Kumitat Festi Nazzjonali, bħal kull sena, se jorganizzaw korteo u ċerimonja qasira ħdejn il-monument ta’ Dun Karm, il-Furjana. Dawk l-iskejjel li jixtiequ jibagħtu xi studenti għal din iċ-ċerimonja mitluba jikkuntattjaw lill-Uffiċjal Edukattiv tal-Malti, David Agius-Muscat fl-indirizz david.agius.muscat@ilearn.edu.mt. Tagħrif ieħor issibu fiċ-ċirkulari.

Inħeġġu wkoll lill-iskejjel biex itellgħu wirjiet fuq Dun Karm u jibagħtulna r-ritratti. Aħna ntellgħuhom f’dan is-sit.

Nitolbukom ukoll biex tagħfsu fuq il-kartellun ta’ Jum Dun Karm (li hawn fuq il-lemin) tipprintjawh, u twaħħluh fuq il-bord tal-avviżi tal-iskejjel tagħkom.