X’tgħid l-istatistika dwar it-tlissin ta’ “raha”

Nhar il-31 ta’ Ottubru 2013 l-Akkademja tal-Malti flimkien mad-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku tellgħu t-taħdita: Int kif tlissinha jaqraha? Il-kelliema kienet Christina Sammut li fit-teżi tagħha stħarrġet dan il-fenomenu lingwistiku fil-pronunzja innovattiva ta’ ċerti suffissi fil-Malti. Christina Sammut ibbażat ir-riċerka tagħha fuq Malta biss u spjegat li dan il-fenomenu huwa mifrux ħafna fost iż-żgħażagħ.

Fost l-oħrajn sabet li madwar 60% tal-parteċipanti fl-istħarriġ tagħha li għandhom bejn l-10 snin u l-15-il sena qed ilissnu jaqraħħa mhux jaqraa. Madwar 88% jlissnu jaqraħħulu u mhux jaqraulu. Min-naħa l-oħra, l-adulti u l-anzjani jlissnu l-iżjed il-pronunzja standard.

It-taħdita fetaħha l-Professur Albert Borg li fisser kif dan jiġri f’kull lingwa ħajja. Jista’ jkun li wieħed isibha iebsa biex jilqa’ t-tibdil, imma l-fatti rriċerkati juru li dan it-tibdil qed iseħħ gradwalment.

Wara l-preżentazzjoni ta’ Christina Sammut kien hemm diskussjoni. Wieħed mill-għalliema kien tal-fehma li huma għandhom jibqgħu jikkoreġu lill-istudenti waqt it-tlissin “żbaljat” tagħhom. Għalliema oħra semmiet kif xi xandara qed ikunu “mudelli ħżiena”.

Fl-aħħar tkellem il-President tal-Akkademja tal-Malti, Olvin Vella, li rringrazzja lil Christina talli qasmet magħna r-riċerka u radd ħajr lit-tliet uffiċjali edukattivi tal-Malti, David Agius Muscat, George Mifsud u David Muscat li qed jappoġġjaw lill-Akkademja biex twassal lill-għalliema il-frott tar-riċerka fuq il-lingwa u l-letteratura.