Riżorsi tat-taħdit għall-primarja

Nitkellmu_1Waħda mill-miri ta’ tagħlim tal-lingwa Maltija hi, li l-istudenti jitgħallmu jesprimu ruħhom tajjeb. Għal dan il-għan hawnhekk se ssibu riżorsi tat-taħdit li jistgħu jintużaw fil-klassijiet tal-ewwel sentejn tal-primarja.

Kull taħriġ fih preżentazzjoni kif ukoll dokument li jgħin  fit-tħaddim ta’ kull preżentazzjoni.  Nirringrazzjaw lis-Sa Josette Baldacchino li ħejjiet dawn ir-riżorsi.

50 għalliem itemmu kors fl-ortografija

Fil-ġimgħat li għaddew ħamsin għalliem tal-Primarja minn skejjel differenti tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti temmew kors volontarju ta’ aġġornament fl-ortografija tal-Malti. Dawn issa se jkunu aktar sodi fl-użu tal-Malti fil-klassijiet li jgħallmu. Nifirħulhom minn qalbna.

Il-kors ġie organizzat mill-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti fi ħdan id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Iċ-ċerimonja qasira tal-għoti taċ-ċertifikati saret fil-preżenza tal-għalliema tal-kors, is-Sur Karl Scicluna u s-Sur Chris Giordano, u matulha tkellmu s-Sur David Agius Muscat, l-Uffiċjal Edukattiv inkarigat mit-tagħlim tal-Malti fil-Primarja, is-Sur Gaetano Bugeja, id-Direttur tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, u l-Prof. Ray Fabri, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Ħajr lis-Sur Thomas Pace, id-Direttur tal-Kunsill, għall-għajnuna tiegħu biex sar dan il-kors.

Fix-xhur li ġejjin se nkomplu norganizzaw aktar korsijiet bħal dawn għall-għalliema.

Il-kanzunetta tal-Milied 2014

Fl-istazzjon tal-YouTube tagħna ‘ilsien pajjiżi’ tellajna l-kanzunetta tal-Milied għal din is-sena, Frans tal-Posta, miktuba mill-awtur Trevor Żahra u mmużikata minn Sammy Galea. Għamilnielha f’għamla ta’ filmat bit-tpinġijiet ta’ Trevor Żahra stess, biex tkun tista’ titgawda b’mod sabiħ mit-tfal u l-kbar. Fil-filmat hemm ukoll iż-żigarella bil-kliem għaddej ħalli t-tfal tal-Primarja jkunu jistgħu jkantaw magħha.

Din il-kanzunetta ssibha fid-diska kompatta ‘Kewkba – Għanjiet tal-Milied’ maħruġa mill-Bank APS, bi sħab mal-Mro Dominic Galea, li ġentilment tana l-permess biex nużawha u nxerrduha mal-iskejjel tagħna.

Nittammaw li togħġobkom u nawgurawlkom il-Miled it-tajjeb!

Tista’ tara wkoll il-kanzunetta l-oħra tal-Milied.

Taħriġ bil-qwiel għall-Primarja

Bosta għalliema talbuna taħriġ għall-qwiel li nsibu fil-listi uffiċjali tar-Raba’, tal-Ħames u tas-Sitt Sena tal-Primarja. Hawnhekk issibu taħriġ li tistgħu tużawh fil-klassijiet tagħkom. Nirringrazzjaw lis-Sa Josette Baldacchino li ħejjiet dan it-taħriġ.

Infakkru lill-għalliema ta’ dawn is-snin li fl-eżamijiet tagħhom annwali tagħhom jistgħu joħorġu biss mill-qwiel li hemm fil-listi, skont is-sena. Tagħrif ieħor jista’ jinqara miċ-ċirkolari.