Sejħa għal skemi ta’ kotba tal-qari bil-Malti mill-Ewwel sas-Sitt Sena tal-Iskejjel Primarja tal-Istat

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni qiegħed jitlob is-sottomissjoni ta’ skemi ta’ kotba tal-qari bil-Malti mmirati għal studenti mill-Ewwel Sena sas-Sitt Sena tal-Iskejjel Primarja tal-Istat. Għaldaqstant, id-Direttur tat-Tmexxija tal-Kurrikulu jistieden lill-awturi, pubblikaturi, distributuri ta’ kotba u lil dawk kollha involuti f’dan il-qasam biex jibagħtu kopja ta’ skema/i ta’ qari bil-Malti fil-livell primarju biex jiġu evalwati.

L-iskemi mibgħuta għandu  jkollhom l-istima bi prezzijiet fuq kwantità.

Linji Gwida

L-iskemi jridu jissodisfaw dawn il-kriterji:

  1. Ikunu miktubin skont ir-regoli attwali tal-ortografija tal-Malti.
  2. Ikunu konformi mal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali.
  3. Ikunu konformi mal-għanijiet u l-miri ta’ tagħlim tas-Sillabu Nazzjonali 2006.
  4. Jinkludu grafika/illustrazzjonijiet/stampi li jkunu kompatabbli ma’ testi u kuntesti ta’ ġeneri varji.
  5. Ikunu addattati għal firxa ta’ ħiliet li wieħed isib fl-iskejjel primarji u li jkunu wkoll addattati għal strateġiji diversi ta’ tagħlim skont l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
  6. Preferibbilment jinkludu riżorsi u materjal ieħor t’għajnuna għall-għalliema.

L-iskemi għandhom jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2015 f’nofsinhar, u għandhom jintbagħtu lil:

Is-Sa Anna Frendo (Is-Segretarja)
Il-Bord tal-Għażla
Skemi tal-Kotba tal-Qari bil-Malti (Il-Primarja)
Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Triq Sarria
Il-Furjana

Il-kotba sottomessi jingħataw lura lill-propjetarji fi żmien raġonevoli.

Ara l-avviż fil-ħarġa 19,396 tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta, l-24 ta’ Marzu 2015, paġni 2362 u 2363.