Il-Premju Frans Sammut

Premju Frans SammutIl-Premju Frans Sammut tfassal bil-għan li jippremja l-użu tajjeb tal-Malti fl-oqsma kollha tal-ħajja. Din is-sena, il-Premju se jingħata lil dawk l-individwi, entitajiet privati, (għaqdiet, kunsilli lokali, istituzzjonijiet governattivi, mezzi tax-xandir, eċċ.) u skejjel li juru li fil-komunikazzjoni verbali, bil-kitba u elettronika jinqdew bl-ilsien Malti b’mod tajjeb, kreattiv u innovattiv.

Il-Premju jinqasam fi tliet kategoriji:

Kategorija A: Għal individwi minn sittax-il sena ’l fuq minn kull qasam tal-ħajja.

Kategorija B: Għal entitajiet, fosthom għaqdiet volontarji, kunsilli lokali, kumpaniji privati, istituzzjonijiet governattivi, fondazzjonijiet, koperattivi u l-bqija.

Kategorija Ċ: Għal skejjel statali, tal-knisja u privati, u entitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni.

Il-premjijiet huma ta’ €1500, €1000 jew €500 f’kull kategorija.

Dawk l-individwi u l-iskejjel li jaħsbu li jixirqilhom dan il-Premju (Kategoriji A u Ċ) għandhom jissottomettu ittra ta’ applikazzjoni u jibagħtu d-dokumenti meħtieġa lill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Triq l-Assedju l-Kbir, Il-Furjana VLT 2000 sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 11 ta’ Novembru 2015. Iċ-ċirkolari qiegħda tinħareġ kmieni biex l-iskejjel jingħataw żmien biżżejjed jorganizzaw attivitajiet b’risq il-Malti u jtejbu l-mezzi ta’ komunikazzjoni bil-Malti tagħhom.

Min ikun jixtieq aktar informazzjoni jista’ jċempel lis-Sa Josephine Borg, tel. 2598 2881.