Żewġ korsijiet għall-ġenituri u n-nanniet

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti temmew b’suċċess żewġ korsijiet oħra fl-ortografija għall-ġenituri u n-nanniet. Kors minnhom tmexxa mis-Sa Claire Zerafa u ieħor mis-Sur Lawrence Deguara.

Dawk kollha li attendew ħadu gost ħafna u tgħallmu affarijiet ġodda fuq ir-regoli tal-kitba ta’ lsienna. Hekk se jkunu jistgħu jgħinu aħjar lil uliedhom u lin-neputijiet tagħhom fl-istudju.

Il-konkorrenza numeruża għal dawn iż-żewġ korsijiet bla ħlas, tħeġġiġna nkomplu noffruhom. Fil-fatt, dalwaqt norganizzaw aktar korsijiet bħal dawn.

Il-kors ta’ Novembru 2014

Il-kors ta’ Frar 2015

Sejħa għal skemi ta’ kotba tal-qari bil-Malti mill-Ewwel sas-Sitt Sena tal-Iskejjel Primarja tal-Istat

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni qiegħed jitlob is-sottomissjoni ta’ skemi ta’ kotba tal-qari bil-Malti mmirati għal studenti mill-Ewwel Sena sas-Sitt Sena tal-Iskejjel Primarja tal-Istat. Għaldaqstant, id-Direttur tat-Tmexxija tal-Kurrikulu jistieden lill-awturi, pubblikaturi, distributuri ta’ kotba u lil dawk kollha involuti f’dan il-qasam biex jibagħtu kopja ta’ skema/i ta’ qari bil-Malti fil-livell primarju biex jiġu evalwati.

L-iskemi mibgħuta għandu  jkollhom l-istima bi prezzijiet fuq kwantità.

Linji Gwida

L-iskemi jridu jissodisfaw dawn il-kriterji:

  1. Ikunu miktubin skont ir-regoli attwali tal-ortografija tal-Malti.
  2. Ikunu konformi mal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali.
  3. Ikunu konformi mal-għanijiet u l-miri ta’ tagħlim tas-Sillabu Nazzjonali 2006.
  4. Jinkludu grafika/illustrazzjonijiet/stampi li jkunu kompatabbli ma’ testi u kuntesti ta’ ġeneri varji.
  5. Ikunu addattati għal firxa ta’ ħiliet li wieħed isib fl-iskejjel primarji u li jkunu wkoll addattati għal strateġiji diversi ta’ tagħlim skont l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
  6. Preferibbilment jinkludu riżorsi u materjal ieħor t’għajnuna għall-għalliema.

L-iskemi għandhom jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2015 f’nofsinhar, u għandhom jintbagħtu lil:

Is-Sa Anna Frendo (Is-Segretarja)
Il-Bord tal-Għażla
Skemi tal-Kotba tal-Qari bil-Malti (Il-Primarja)
Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Triq Sarria
Il-Furjana

Il-kotba sottomessi jingħataw lura lill-propjetarji fi żmien raġonevoli.

Ara l-avviż fil-ħarġa 19,396 tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta, l-24 ta’ Marzu 2015, paġni 2362 u 2363.

 

Il-Premju Frans Sammut

Premju Frans SammutIl-Premju Frans Sammut tfassal bil-għan li jippremja l-użu tajjeb tal-Malti fl-oqsma kollha tal-ħajja. Din is-sena, il-Premju se jingħata lil dawk l-individwi, entitajiet privati, (għaqdiet, kunsilli lokali, istituzzjonijiet governattivi, mezzi tax-xandir, eċċ.) u skejjel li juru li fil-komunikazzjoni verbali, bil-kitba u elettronika jinqdew bl-ilsien Malti b’mod tajjeb, kreattiv u innovattiv.

Il-Premju jinqasam fi tliet kategoriji:

Kategorija A: Għal individwi minn sittax-il sena ’l fuq minn kull qasam tal-ħajja.

Kategorija B: Għal entitajiet, fosthom għaqdiet volontarji, kunsilli lokali, kumpaniji privati, istituzzjonijiet governattivi, fondazzjonijiet, koperattivi u l-bqija.

Kategorija Ċ: Għal skejjel statali, tal-knisja u privati, u entitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni.

Il-premjijiet huma ta’ €1500, €1000 jew €500 f’kull kategorija.

Dawk l-individwi u l-iskejjel li jaħsbu li jixirqilhom dan il-Premju (Kategoriji A u Ċ) għandhom jissottomettu ittra ta’ applikazzjoni u jibagħtu d-dokumenti meħtieġa lill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Triq l-Assedju l-Kbir, Il-Furjana VLT 2000 sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 11 ta’ Novembru 2015. Iċ-ċirkolari qiegħda tinħareġ kmieni biex l-iskejjel jingħataw żmien biżżejjed jorganizzaw attivitajiet b’risq il-Malti u jtejbu l-mezzi ta’ komunikazzjoni bil-Malti tagħhom.

Min ikun jixtieq aktar informazzjoni jista’ jċempel lis-Sa Josephine Borg, tel. 2598 2881.

Tliet taħditiet interessanti

Fuq stedina tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, se jkollna fostna lill-Prof. John Simpson li għall-aħħar 20 sena kien l-Editur Ewlieni tal-Oxford English Dictionary.

Il-Professur Simpson se jagħmel 3 taħditiet pubbliċi, li għalihom mistieden kulħadd:

It-Tnejn, 16 ta’ Marzu
The OED: a short history of an institution

L-Erbgħa, 18 ta’ Marzu
From paper to electronic dictionaries: is it merely a change of media?

Il-Ġimgħa, 20 ta’ Marzu
A new dictionary of Maltese: what are the issues?

It-taħditiet kollha se jsiru Dar l-Ewropa, 254 Triq San Pawl, il-Belt, mis-6.30pm sat-8.30pm.

Iż-żjara ta’ akkademiku ta’ dan il-kalibru, li mexxa l-bidla tal-Oxford English Dictionary mid‑dizzjunarju stampat għad-dizzjunarju elettroniku, għandha tkunilna mhux biss għajn ta’ tagħrif imma wkoll ispirazzjoni biex il-Malti wkoll jasal biex ikollu dizzjunarju elettroniku.

L-istedina miftuħa għall-pubbliku kollu.