Fl-10 ta’ April 2015, il-klassi 4.10 mill-Iskola Sekondarja tal-Bniet tal-Imrieħel (Kulleġġ Santa Tereża) attendiet għal nofstanhar ta’ taħriġ fil-kitba kreattiva mogħti mis-Sur Karl Borg. It-tema ta’ dan it-taħriġ kienet il-ħolm. Wara li l-istudenti spjegaw xi jfisser għalihom il-ħolm u kif jaffettwahom f’ħajjithom, kitbu 2 poeżiji waħda bl-isem Il-Ħolm u l-oħra L-Għanja taż-Żgħożija. Fir-ritratti jidhru l-istudenti matul it-taħriġ, waqt li xogħol l-istudenti jista’ jinqara jekk wieħed jikklikkja l-ħoloq t’ hawn taħt.
Category Archives: Avviżi
Tabelli bilingwi fil-klassijiet tal-Primarja
Dan l-aħħar qed jiżdiedu l-klassijiet tal-Primarja li jkollhom tabelli bilinwgi. Nifirħu lill-għalliema li qed jieħdu dawn l-inizjattivi sbieħ f’ġieħ iż-żewġ lingwi tagħna. Huwa importanti ħafna li lit-tfal tagħna ndarruhom sa minn mindu jkunu ċkejknin b’attitudni bilingwi.
Hawnhekk qed inġibu ritratt li bagħtitilna s-Sa Christina Kitney, mill-iskola primarja tal-Fgura, li juri r-regoli tal-klassi bil-Malti u bl-Ingliż.
Riżorsi b’xejn tal-Malti għall-Kinder
Qed ngħaddulkom riżorsi ġodda magħmulin bil-Powerpoint u mmirati għat-tħejjija tal-qari għall-klassijiet tal-Kinder tal-Ewwel Sena u tat-Tieni Sena. Hemm riżorsi għal kull term. Dawn ir-riżorsi tistgħu tużawhom fil-klassijiet tagħkom meta tridu. Il-ħsieb ewlieni tagħhom huwa li t-tfal tagħna jitħarrġu kif jesprimu ruħhom bil-lingwa sabiħa tagħna u jitgħallmu jużaw kliem bil-Malti f’kuntesti differenti. Inħeġġukom biex lit-tfal tgħallmuhom jitkellmu b’Malti tajjeb u sabiħ. Kull taħriġ fih dokument bl-għajnuniet għall-għalliema.
Nirringrazzjaw lis-Sa Josette Baldacchino li ħejjiet dawn ir-riżorsi.
Kompetizzjoni għall-Aħjar Disinn tat-Trofew tal-Premju Frans Sammut 2015
Il-Kumitat Organizzattiv tal-Premju Frans Sammut li jingħata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jistieden lill-istudenti tal-iskejjel medji, sekondarji u postsekondarji (fosthom l-Istitut tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST) biex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni għall-aħjar disinn tat-trofew tal-Premju.
Id-disinn tat-trofew għandu jissodisfa dawn il-kriterji:
a. Id-disinn irid ikollu rabta mal-ilsien Malti jew mal-kultura Maltija;
b. It-trofew irid ikun jista’ jiġi riprodott fi tliet qisien raġonevoli għall-ewwel, it-tieni u t-tielet premju;
ċ. It-trofew irid ikun jista’ jinħadem b’mod fattibbli minn materjali li jinsabu fis-suq;
d. Fuq it-trofew irid ikun hemm spazju fejn jitnaqqxu l-isem tar-rebbieħ/a, il-kategorija u dettalji oħra.
Mad-disinn il-parteċipanti jridu:
a. jindikaw il-materjal/i li minnu jissuġġerixxu li jinħadmu it-trofej;
b. jagħtu l-qisien tat-tliet trofej (l-ewwel, it-tieni u t-tielet post).
Il-parteċipanti għandhom jissottomettu disinn bil-kulur tat-trofew. Jekk jixtiequ, jistgħu jissottomettu wkoll abbozz/mudell tat-trofew. Mad-disinn il-parteċipanti jridu jindikaw b’mod ċar l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown, u isem l-iskola fejn jattendu. Id-disinjatur tad-disinn rebbieħ jingħata premju ta’ 100 (mitt) ewro.
Min jixtieq jieħu sehem irid jibgħat id-disinn tiegħu lis-Sa Josephine Borg, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Triq l-Assedju l-Kbir, il-Furjana VLT 2000 sa nofsinhar ta’ nhar it-Tlieta, 30 ta’ Ġunju 2015. Id-deċiżjoni tal-Kumitat Organizzattiv tkun finali u ma tistax tiġi kkontestata jew appellata. Il-Kumitat għandu d-dritt ma jagħtix il-premju għall-aħjar disinn.
Żewġ korsijiet fl-ortografija għall-għalliema tal-Primarja f’Malta
Temmejna 2 korsijiet oħra fl-ortografija tal-Malti. Dawn kienu mmirati għall-għalliema li jgħallmu fil-Primarja. Nirringrazzjaw lill-għalliema kollha li attendew għall-interess ġenwin tagħhom. Huwa l-gost tagħna li naraw għalliema bħal dawn jaġġornaw il-ħiliet tagħhom fil-Malti biex iwasslu l-aqwa tagħlim lill-istudenti li jgħallmu. Prosit lil Chris Giordano u lil Oriana Spiteri, il-letturi tal-korsijiet.
Ħajr lil Marija Montebello, il-Kap tal-Iskola Sekondarja Tal-Ħandaq, tal-Kulleġġ San Injazju, li għal darb’oħra laqgħetna bi ħġarha fl-iskola tagħha. Ħajr ukoll lill-President u d-Direttur tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Prof. Ray Fabri u s-Sur Thomas Pace, kif ukoll lis-Sur Gaetano Bugeja, id-Direttur tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, għall-għajnuna tagħhom biex jittella’ dan il-kors, li bħalu se norganizzaw oħrajn.
Bħalissa għaddejjin ukoll b’korsijiet oħra għall-għalliema tal-Primarja u tas-Sekondarja f’Għawdex u b’kors ieħor f’Malta għall-għalliema li ma jgħallmux il-Malti imma li jgħallmu suġġett bil-Malti, bħall-Ġeografija, l-Istorja, l-Istudji Soċjali, ir-Reliġjon u l-Iżvilupp Personali Soċjali u għall-Karriera.




