Pjan ta’ Ħidma għat-Tagħlim tal-Malti għall-Barranin u Laqgħa ta’ Informazzjoni

L-għalliema tal-Malti huma mgħarrfa li għas-sena skolastika 2015-2016 u sakemm jibdew jintużaw il-Kisbiet mit-Tagħlim tal-Malti bħala Lsien Barrani, għandhom jużaw il-pjan ta’ ħidma għat-tagħlim tal-Malti lill-klassijiet tal-istudenti barranin mehmuż ma’ din iċ-ċirkulari. Dan il-pjan huwa msejjes fuq il-Qafas Komuni Ewropew għal-lingwi, Livell A1.

Għat-tagħlim tal-Malti lill-barranin huwa rrakkomandat li jintuża l-metodu komunikattiv ibbażat fuq l-erba’ ħiliet tal-lingwa: is-smigħ, it-taħdit, il-qari u l-kitba. L-għalliema huma mħeġġa li jagħżlu xi kanzunetti, poeżiji u stejjer ħfief skont il-gosti u l-ħiliet tal-istudenti fejn jinħass li jkun meħtieġ, jew b’rabta mat-tema li tkun qiegħda ssir. Matul din is-sena għandu jsir assessjar formattiv, idealment waqt u wara kull tema tal-programm. Għal nofs is-sena l-għalliema jistgħu jagħtu test filwaqt li għall-aħħar tas-sena se tinħareġ karta tal-eżami mit-Taqsima tal-Assessjar Edukattiv.

L-għalliema tal-Malti huma wkoll mgħarrfa li fis-sit elettroniku tal-Malti malti.skola.edu.mt fit-taqsima tal-Malti għall-Barranin, hemm l-aġġornamenti u riżorsi oħra xierqa. Ittellgħu wkoll karti ta’ assessjar summattiv tal-Malti għall-Barranin li saru f’xi skejjel f’dawn l-aħħar sentejn. L-għalliema tal-Malti huma mħeġġa biex jagħmlu aktar użu minn dan is-sit u jikkontribwixxu għat-tkabbir tiegħu. Dan jistgħu jagħmluh billi jibagħtu r-riżorsi tagħhom lil xi ħadd mill-Uffiċjal Edukattivi tal-Malti billi jużaw l-indirizz elettroniku li jsibu fl-ewwel paġna tas-sit tal-Malti. Dawn ir-riżorsi jidhru f’isem min jibgħathom. B’dan il-mod inkunu qegħdin anke f’dan il-qasam inżidu r-riżorsi tal-bank u nsaħħu t-tagħlim tal-Malti għall-Barranin b’mod aktar ħaj u effettiv.

Fehim mill-Qari u Kitba għas-6 Sena tal-Primarja

Pakkett ta’ riżorsi għall-istudenti tas-sitt sena li jindirizza l-għodod meħtieġa tal-fehim mill-qari sabiex l-istudenti jkunu kapaċi jwieġbu mistoqsijiet dwar testi varji. Dawn it-testi jservu bħala eżempju jew spunt sabiex l-istudenti jaslu biex jiktbu kitbiet bħal avviżi, istruzzjonijiet, messaġġi u djalogi. Nirringrazzjaw lil Josette Baldacchino li ħejjiet dawn ir-riżorsi.

Inħajru lill-għalliema biex barra milli jużaw dawn l-eżempji, joħolqu oħrajn tagħhom fuq l-istess linji u napprezzaw ħafna jekk jogħġobhom jgħadduhomlna biex jittellgħu f’isimhom fis-sit tal-Malti. Huma jistgħu jibagħtuhom lill-Uffiċjal Edukkativ inkarigat mill-Kulleġġ tagħhom fl-indirizz elettroniku li jinsab fl-ewwel paġna.

Il-Pakkett

Mixjet il-Malti – minn Caxaro sa Aquilina

Żjara Edukattiva fil-Belt Valletta marbuta mas-sillabu tar-Raba’ Sena

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb, fit-23 ta’ April 2015, id-Dipartiment tal-Malti tal-Iskola Sekondarja tas-Subien tal-Ħamrun tal-Kulleġġ San Tumas More organizza żjarat fis-sede tal-Akkademja tal-Malti, fl-Arkivji Notarili u fil-Bibljoteka Nazzjonali.