L-għalliema tal-Malti huma mgħarrfa li għas-sena skolastika 2015-2016 u sakemm jibdew jintużaw il-Kisbiet mit-Tagħlim tal-Malti bħala Lsien Barrani, għandhom jużaw il-pjan ta’ ħidma għat-tagħlim tal-Malti lill-klassijiet tal-istudenti barranin mehmuż ma’ din iċ-ċirkulari. Dan il-pjan huwa msejjes fuq il-Qafas Komuni Ewropew għal-lingwi, Livell A1.
Għat-tagħlim tal-Malti lill-barranin huwa rrakkomandat li jintuża l-metodu komunikattiv ibbażat fuq l-erba’ ħiliet tal-lingwa: is-smigħ, it-taħdit, il-qari u l-kitba. L-għalliema huma mħeġġa li jagħżlu xi kanzunetti, poeżiji u stejjer ħfief skont il-gosti u l-ħiliet tal-istudenti fejn jinħass li jkun meħtieġ, jew b’rabta mat-tema li tkun qiegħda ssir. Matul din is-sena għandu jsir assessjar formattiv, idealment waqt u wara kull tema tal-programm. Għal nofs is-sena l-għalliema jistgħu jagħtu test filwaqt li għall-aħħar tas-sena se tinħareġ karta tal-eżami mit-Taqsima tal-Assessjar Edukattiv.
L-għalliema tal-Malti huma wkoll mgħarrfa li fis-sit elettroniku tal-Malti malti.skola.edu.mt fit-taqsima tal-Malti għall-Barranin, hemm l-aġġornamenti u riżorsi oħra xierqa. Ittellgħu wkoll karti ta’ assessjar summattiv tal-Malti għall-Barranin li saru f’xi skejjel f’dawn l-aħħar sentejn. L-għalliema tal-Malti huma mħeġġa biex jagħmlu aktar użu minn dan is-sit u jikkontribwixxu għat-tkabbir tiegħu. Dan jistgħu jagħmluh billi jibagħtu r-riżorsi tagħhom lil xi ħadd mill-Uffiċjal Edukattivi tal-Malti billi jużaw l-indirizz elettroniku li jsibu fl-ewwel paġna tas-sit tal-Malti. Dawn ir-riżorsi jidhru f’isem min jibgħathom. B’dan il-mod inkunu qegħdin anke f’dan il-qasam inżidu r-riżorsi tal-bank u nsaħħu t-tagħlim tal-Malti għall-Barranin b’mod aktar ħaj u effettiv.