Taħriġ bil-qwiel għall-Primarja

Bosta għalliema talbuna taħriġ għall-qwiel li nsibu fil-listi uffiċjali tar-Raba’, tal-Ħames u tas-Sitt Sena tal-Primarja. Hawnhekk issibu taħriġ li tistgħu tużawh fil-klassijiet tagħkom. Nirringrazzjaw lis-Sa Josette Baldacchino li ħejjiet dan it-taħriġ.

Infakkru lill-għalliema ta’ dawn is-snin li fl-eżamijiet tagħhom annwali tagħhom jistgħu joħorġu biss mill-qwiel li hemm fil-listi, skont is-sena. Tagħrif ieħor jista’ jinqara miċ-ċirkolari.

Lista ta’ kliem f’ordni alfabetika

Listi ta kliem

Qed intellgħu lista ta’ kliem f’ordni alfabetika li tista’ tintuża mill-għalliema tas-snin bikrin waqt it-taħriġ li jagħmlu għall-għarfien tal-ewwel ittra fi kliem. Kull kelma fiha l-istampa marbuta magħha. Din ir-riżorsa tista’ tintuża wkoll mal-istudenti li għadhom qed jitgħallmu l-Malti biex iwessgħu l-vokabularju tagħhom.

Nirringrazzjaw lill-għalliema, is-Sa Josette Baldacchino, li għamlitlna din ir-riżorsa li żgur se ssibuha tant utli mat-tfal tagħkom.

Din il-lista tistgħu ssibuha fit-taqsima tal-kinder, u tal-ewwel tliet snin tal-primarja.

Kartolini tal-Milied u riżorsi oħra

KartolinaIl-Milied reġa’ wasal u bħalissa fl-iskejjel tagħna nibdew inħabblu moħħna kif se narmaw il-kurituri u l-klassijiet. Infakkrukom biex tużaw messaġġi bil-Malti, bħal Il-Milied it-Tajjeb, Xewqat Sbieħ, Is-Sena t-Tajba, u oħrajn.

Hawnhekk għandkom pass pass kif tagħmlu kartolini tal-presepju (istruzzjonijiet u forom għat-tqasqis) u tas-siġra tal-Milied (istruzzjonijiet u forom għat-tqasqis). Nirringrazzjaw lill-għalliema Josette Baldacchino li ħadet ħsieb tibni dawn il-preżentazzjonijiet bir-ritratti biex intom tkunu tistgħu taħdmu dawn il-kartolini fil-klassijiet tagħkom.

Nistiednukom tidħlu hawnhekk fejn għandkom aktar riżorsi fuq il-Milied.

Il-Premju Frans Sammut

Premju Frans SammutId-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol bi pjaċir iħabbar ir-rebbieħa ta’ Kategorija B (Skejjel) tal-Premju Frans Sammut; il-premju li minn din is-sena beda jingħata lil dawk l-entitajiet u l-iskejjel li juru li fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum qegħdin jagħmlu użu tajjeb mill-ilsien Malti.

Ir-rebbieħa huma:
L-ewwel – l-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke, tal-Kulleġġ Santa Klara
It-tieni – l-Iskola Primarja tas-Siġġiewi, tal-Kulleġġ San Injazju
It-tielet – il-Kulleġġ Savio ta’ Ħad-Dingli.

Id-Dipartiment tal-Kurrikulu filwaqt li jifraħ lill-iskejjel imsemmija hawn fuq u lill-iskejjel l-oħra li pparteċipaw fil-konkors ta’ din is-sena, iħeġġeġ lill-iskejjel primarji, sekondarji u postsekondarji tal-istat, il-Knisja u indipendenti biex fil-komunikazzjoni bil-fomm u bil-kitba li jagħmlu fil-ħajja ta’ kuljum, minbarra lingwi oħra, jużaw fuq kollox il-lingwa Maltija u jużawha b’mod tajjeb.

Dawk l-iskejjel li jużaw il-Malti tajjeb fir-rutina ta’ kuljum, ngħidu aħna, fiċ-ċirkolarijiet li joħorġu, is-sinjali u t-tabelli li jagħmlu fl-iskola, fis-sit elettroniku u r-rivista tagħhom, fil-laqgħat u l-attivitajiet soċjokulturali li jagħmlu għall-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri (bħal Jum il-Premjazzjoni) ikunu jistgħu jiġu nnominati għall-Premju Frans Sammut tas-sena 2015. In-nominazzjonijiet jiftħu fil-bidu tas-sena li ġejja, 2015.