Fil-ġimgħat li għaddew ħamsin għalliem tal-Primarja minn skejjel differenti tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti temmew kors volontarju ta’ aġġornament fl-ortografija tal-Malti. Dawn issa se jkunu aktar sodi fl-użu tal-Malti fil-klassijiet li jgħallmu. Nifirħulhom minn qalbna.
Il-kors ġie organizzat mill-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti fi ħdan id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.
Iċ-ċerimonja qasira tal-għoti taċ-ċertifikati saret fil-preżenza tal-għalliema tal-kors, is-Sur Karl Scicluna u s-Sur Chris Giordano, u matulha tkellmu s-Sur David Agius Muscat, l-Uffiċjal Edukattiv inkarigat mit-tagħlim tal-Malti fil-Primarja, is-Sur Gaetano Bugeja, id-Direttur tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, u l-Prof. Ray Fabri, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Ħajr lis-Sur Thomas Pace, id-Direttur tal-Kunsill, għall-għajnuna tiegħu biex sar dan il-kors.
Fix-xhur li ġejjin se nkomplu norganizzaw aktar korsijiet bħal dawn għall-għalliema.