Nhar it-Tlieta, 6 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti flimkien mal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta u l-għaqda volontarja Write Deal Association se jniedu żewġ cartoons sbieħ bil-Malti: Is-Sbejħa Rieqda u Il-Ħwejjeġ Ġodda tal-Imperatur.
Dawn imbagħad se jkunu jistgħu jintużaw b’xejn fl-iskejjel primarji tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti biex jitgawdew mit-tfal u jitgħallmu mill-messaġġ tagħhom. Se jkunu aċċessibbli wkoll mill-istazzjon tagħna tal-YouTube ‘ilsien pajjiżi’.
It-tnedija se ssir fil-Palazz tal-Verdala, ir-Rabat, u tibda fl-10 ta’ filgħodu. Għaldaqstant, nistiednu lill-kapijiet tal-iskejjel biex jinfurmaw lill-ġenituri ħalli jattendu għal din it-tnedija ma’ wliedhom. Minħabba li l-postijiet huma limitati, importanti li dawk il-ġenituri interessati jibagħtu ittra elettronika f’dan l-indirizz biex jibbukkjaw il-post/ijiet tagħhom. Fil-messaġġ importanti li jindikaw kemm se jkunu nies, bit-tfal inklużi. Qed jintlaqgħu l-ewwel 150 li jirreġistraw posthom. Id-dħul huwa b’xejn.
Din l-attività qed issir bil-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca.
Minn hawn tista’ tara ċ-ċirkulari ta’ din l-attività.