Jum Dun Karm 2013

Fit-18 ta’ Ottubru li ġej se nfakkru Jum Dun Karm. Kull skola hi mitluba biex fil-laqgħa mal-istudenti ta’ dakinhar filgħodu, tinqara l-bijografija ta’ Dun Karm minn xi ħadd mill-istudenti u xi poeżiji tal-Poeta Nazzjonali.

Din is-sena qed intellgħu wkoll l-Innu ta’ Filgħodu, miktub minn Dun Karm, bil-mużika tal-Mro Ġużeppi Caruana.

Id-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku flimkien mal-Kumitat Festi Nazzjonali, bħal kull sena, se jorganizzaw korteo u ċerimonja qasira ħdejn il-monument ta’ Dun Karm, il-Furjana. Dawk l-iskejjel li jixtiequ jibagħtu xi studenti għal din iċ-ċerimonja mitluba jikkuntattjaw lill-Uffiċjal Edukattiv tal-Malti, David Agius-Muscat fl-indirizz david.agius.muscat@ilearn.edu.mt. Tagħrif ieħor issibu fiċ-ċirkulari.

Inħeġġu wkoll lill-iskejjel biex itellgħu wirjiet fuq Dun Karm u jibagħtulna r-ritratti. Aħna ntellgħuhom f’dan is-sit.

Nitolbukom ukoll biex tagħfsu fuq il-kartellun ta’ Jum Dun Karm (li hawn fuq il-lemin) tipprintjawh, u twaħħluh fuq il-bord tal-avviżi tal-iskejjel tagħkom.

 

Taħdita – Int kif tlissinha “jaqraha”?

Id-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku flimkien mal-Akkademja tal-Malti qed jorganizzaw taħdita fuq il-firxa tal-pronunzja “ġdida” ta’ kliem bħal [jaqraħħa] (= jaqraha).

It-taħdita se ssir nhar il-Ħamis, 31 ta’ Ottubru 2013 mill-5.30 sas-6.30pm fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, u se tingħata mis-Sa Christina Sammut, għalliema tal-Malti li rriċerkat is-suġġett.

L-għalliema u l-pubbliku ġenerali mistiedna. Id-dħul huwa b’xejn.

Tista’ taqra aktar fuq dan is-suġġett minn din it-tagħrifa.

Tagħrif ieħor fuq it-taħdita minn din iċ-ċirkulari.

Qwiel għar-4, il-5 u s-6 Sena tal-Primarja

Fuq talba ġenerali qed nippreżentaw lista ta’ qwiel popolari mal-istudenti tal-aħħar snin tal-Primarja.

Tagħrif ieħor fuq din il-lista tista’ ssibu f’din  iċ-ċirkulari.

Il-lista tiġbor fiha wħud mill-aktar qwiel popolari Maltin li jingħadu llum. L-għan tagħha huwa li sservi ta’ gwida għall-assessjar. Il-qwiel li jistgħu joħorġu fl-eżamijiet nazzjonali jkunu meħudin minn din il-lista biss. L-istudenti jiġu mistoqsija biss fuq il-lista ta’ qwiel maħsuba għas-sena tagħhom.

Hekk, pereżempju, l-istudenti tar-Raba’ Sena ser jiġu mistoqsija biss fuq il-lista tal-qwiel tar-Raba’ Sena. Madankollu l-għalliema għandhom iħajru lill-istudenti biex jużaw il-qwiel u l-idjomi li jkunu tgħallmu matul is-snin u li jisimgħu madwarhom, f’kull aspett tal-lingwa mitkellma u miktuba.

Ħafna minn dawn il-qwiel l-istudenti jkunu jafuhom diġà għax jisimgħuhom id-dar u fl-ambjent fejn jgħixu. Nifhmu li wħud minn dawn il-qwiel jista’ jkollhom ukoll varjanti. Għaldaqstant inħeġġu lill-għalliema biex jaċċettaw varjanti differenti ta’ dawn il-qwiel.

Inħeġġu wkoll lill-għalliema biex jippreżentaw il-qwiel b’diversi modi interessanti għat-tfal kemm fit-taħdit kif ukoll fil-kitba. It-tagħlim tal-qwiel għandu jkun dejjem f’kuntesti u t-tifsira toħroġ mill-istess kuntesti.

Filwaqt li l-qwiel magħżula għall-eżamijiet ser jittieħdu minn din il-lista, nissuġġerixxu li fil-klassi l-għalliema ma jillimitawx ruħhom għal dawn il-qwiel biss. Il-qwiel huma espressjonijiet ħajjin u jsebbħu l-lingwa tagħna. Għaldaqstant l-għalliema għandhom jinkoraġġixxu lill-istudenti ta’ kull età jużaw il-qwiel fit-taħdit u fil-kitbiet tagħhom.