Qwiel għar-4, il-5 u s-6 Sena tal-Primarja

Fuq talba ġenerali qed nippreżentaw lista ta’ qwiel popolari mal-istudenti tal-aħħar snin tal-Primarja.

Tagħrif ieħor fuq din il-lista tista’ ssibu f’din  iċ-ċirkulari.

Il-lista tiġbor fiha wħud mill-aktar qwiel popolari Maltin li jingħadu llum. L-għan tagħha huwa li sservi ta’ gwida għall-assessjar. Il-qwiel li jistgħu joħorġu fl-eżamijiet nazzjonali jkunu meħudin minn din il-lista biss. L-istudenti jiġu mistoqsija biss fuq il-lista ta’ qwiel maħsuba għas-sena tagħhom.

Hekk, pereżempju, l-istudenti tar-Raba’ Sena ser jiġu mistoqsija biss fuq il-lista tal-qwiel tar-Raba’ Sena. Madankollu l-għalliema għandhom iħajru lill-istudenti biex jużaw il-qwiel u l-idjomi li jkunu tgħallmu matul is-snin u li jisimgħu madwarhom, f’kull aspett tal-lingwa mitkellma u miktuba.

Ħafna minn dawn il-qwiel l-istudenti jkunu jafuhom diġà għax jisimgħuhom id-dar u fl-ambjent fejn jgħixu. Nifhmu li wħud minn dawn il-qwiel jista’ jkollhom ukoll varjanti. Għaldaqstant inħeġġu lill-għalliema biex jaċċettaw varjanti differenti ta’ dawn il-qwiel.

Inħeġġu wkoll lill-għalliema biex jippreżentaw il-qwiel b’diversi modi interessanti għat-tfal kemm fit-taħdit kif ukoll fil-kitba. It-tagħlim tal-qwiel għandu jkun dejjem f’kuntesti u t-tifsira toħroġ mill-istess kuntesti.

Filwaqt li l-qwiel magħżula għall-eżamijiet ser jittieħdu minn din il-lista, nissuġġerixxu li fil-klassi l-għalliema ma jillimitawx ruħhom għal dawn il-qwiel biss. Il-qwiel huma espressjonijiet ħajjin u jsebbħu l-lingwa tagħna. Għaldaqstant l-għalliema għandhom jinkoraġġixxu lill-istudenti ta’ kull età jużaw il-qwiel fit-taħdit u fil-kitbiet tagħhom.