Kidane fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi

Nifirħu lis-Sa Marija Montebello, il-Kap tal-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi, u lill-istaff tal-iskola u tal-Kulleġġ San Benedittu taħt id-direzzjoni tas-Sa Marylin Sciortino, il-Prinċipal, li flimkien mal-Jesuit Refugee Service – Malta (JRS) organizzaw attivitajiet għat-tfal tal-primarja, bil-ħsieb li jkomplu joħolqu kuxjenza kontra r-razziżmu.

Prosit li kull min ta sehmu u jalla naraw aktar minn dawn l-attivitajiet sbieħ. Din l-inizjattiva hi parti minn proġett tal-JRS li permezz tiegħu ħareġ ukoll ktieb bil-Malti għat-tfal miktub minn Clare Azzopardi u bl-illustrazzjonijiet ta’ Marisa Attard, bl-isem Kidane – Ġrajja ta’ Tama, u li l-istorja tiegħu hija ispirata mill-ġrajja vera ta’ Goitom Yosief.

Dan  il-ktieb qed jitqassam b’xejn mill-JRS. Tagħrif ieħor tista’ tiksbu minn hawnhekk.

 

L-għanja ta’ għeluq sninek bil-Malti

FERĦ U AWGURI

Il-kanzunetta tal-Happy Birthday famuża mad-dinja kollha. Kulħadd ikantaha bil-lingwa tiegħu u aħna ħsibna fil-verżjoni Maltija, kif jixraq.

Mela meta xi ħadd jagħlaq sninu, inkantawlu hekk (fuq l-istess melodija):

Ferħ u awguri f’dal-jum,
għeluq sninek illum.
Ferħ u awguri lil …
Ferħ u awguri f’dal-jum!

L-għanja ssibha bil-melodija minn hawn (ppt).

Magħha ħriġna wkoll “Qalbu Tajba” u “Qalbha Tajba”, il-verżjoni Maltija tal-melodija For He’s a Jolly Good Fellow.

Tista’ tisma’ t-tliet kanzunetti u tkanta magħhom ukoll (karaoke), f’xi festin jew fil-klassi mat-tfal, minn hawn taħt. L-istess kanzunetti ssibhom fil-YouTube.

Nirringrazzjaw lil Manwel Mifsud li ħa ħsieb il-verżjoni bil-Malti tat-tliet kanzunetti.

 

Mistoqsija u Tweġiba 19

staqsiMinn Olvin Vella

Jeżistu <mall-> u <bill->?

Ma nistgħux niktbuhom hekk. It-tajbin huma mal- u bil- biss.

Il-prepożizzjonijiet huma ma’ u bi.

Meta magħhom inżidu l-artiklu l-, isiru mal- u bil-. Bħalhom niktbu tal-, sal-

Min jiżbalja dawn it-tnejn aktarx jitfixkilhom mal-kitba għall- u bħall- .

Ninnutaw li niktbu mill- għax wara li ngħaqqdu minn u l- isseħħ assimilazzjoni u minflok minl- ngħidu (u niktbu) mill-.

Għalhekk, niktbu mill-ewwel imma mal-ewwel.

Il-Jum Internazzjonali tal-Lingwa Materna

Ta’ kull sena, fil-21 ta’ Frar, l-UNESCO tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Lingwa Materna. It-tema ta’ din is-sena hija “Il-Lingwa Materna bħala l-Lingwa ta’ Struzzjoni u Inklużjoni fl-Edukazzjoni”.

B’dan il-Jum, l-UNESCO tagħmilna aktar konxji mill-importanza tal-użu tal-ilsien nattiv u, b’mod partikolari din is-sena, qed tisħaq fuq l-importanza ta’ lsienna bħala dritt fis-sistema edukattiva billi tħeġġeġ il-membri tagħha, inkluż Malta, biex jippromwovu l-ilsien nazzjonali bħala l-lingwa ta’ struzzjoni fis-sistema edukattiva tagħhom.
 
Il-messaġġ tal-Jum Internazzjonali 2012 issibu minn hawn.

Għal tagħrif ieħor dwar dan il-Jum tista’ tidħol f’dan is-sit tal-UNESCO.

Aqra aktar fuq il-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti minn hawn.

Tista’ taqra wkoll dawn l-artikli:

> Li titkellem bil-lingwa nattiva tiegħek mhix ħaġa inferjuri

> Il-lingwa u d-dritt għall-edukazzjoni

> Dinja mingħajr kliem?

> Il-bilingwiżmu fl-edukazzjoni ta’ Wales

> Il-multilingwiżmu fl-edukazzjoni

> Il-bilingwiżmu u l-iżvilupp tal-moħħ

> Pubblikazzjonijiet oħra tal-UNESCO

Learning in a language they can understand is vital for children to enjoy their right to quality education. Mother Tongue and Multilingual Education are key to reducing discrimination, promoting inclusion and improving learning outcomes for all.” 
UNESCO

[…] ma jistax ikun hemm edukazzjoni vera b’lingwa barranija […]
il-lingwa tal-post biss tista’ tistimula l-oriġinalità fil-ħsieb, fil-biċċa l-kbira tan-nies.
Mahatma Gandhi 1920, Young India 16/6

Tajjeb ngħidu li mhix biss in-Nazzjonijiet Uniti li tħaddan dan il-prinċipju. L-Unjoni Ewropea, li tagħha pajjiżna hu wkoll membru, qed tmexxi dejjem iżjed ‘il quddiem il-programm tal-multilingwiżmu tagħha tal-1 plus 2 languages. L-għan tiegħu hu li kull ċittadin Ewropew ikun kompetenti, qabelxejn, fil-lingwa nattiva tiegħu u f’żewġ ilsna barranin oħra magħha.

Għall-pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, idħol hawn.

Jekk jinteressak dan is-suġġett, inħeġġuk tkompli taqra wkoll ir-riżorsi tat-taqsima “Il-Bilingwiżmu”, fuq ix-xellug tas-sit.

Laqgħat ma’ aktar minn 250 ġenitur

Wasalna f’nofs is-sena skolastika u nieħdu pjaċir li f’dawn l-ewwel xhur kellna l-opportunità li niltaqgħu mhux biss ma’ ħafna għalliema li qed jgħallmu fil-primarji imma wkoll mal-ġenituri li qed jibagħtu lil uliedhom fl-iskejjel primarji.

F’Novembru tal-2011 iltqajna darbtejn ma’ 50 ġenitur li jibagħtu lil uliedhom fl-iskola primarja tal-Qrendi, fil-Kulleġġ San Benedittu. Nirringrazzjaw lill-Kap tal-Iskola, is-Sur Karm Pace. Fl-istess xahar iltqajna ma’ 120 ġenitur li jibagħtu lil uliedhom fl-iskola primarja taż-Żejtun, immexxija mis-Sur Brian Craus, u ta’ dan nirringrazzjawh. Nhar it-13 ta’ Frar 2012 iltqajna ma’ 60 ġenitur li wliedhom imorru fl-iskejjel primarji tal-Kulleġġ Santa Klara. Nirringrazzjaw lill-Prinċipal tal-Kulleġġ, is-Sa Maria Ciappara, ta’ din l-opportunità sabiħa.

F’dawn il-laqgħat mal-ġenituri tkellimna dwar l-ilsien sabiħ tagħna u fl-istess waqt indirizzajna xi diffikultajiet li jsibu waqt li jkunu qed jagħtu daqqa t’id lil uliedhom fit-taħriġ tad-dar. Huwa ta’ pjaċir kbir għalina li jkollna laqgħat bħal dawn u kull darba nagħmlu kuraġġ bl-interess li l-ġenituri għandhom għal ilsienna.