Il-Ġens Grammatikali fil-Malti

Taħdita organizzata mill-Akkademja tal-Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università.

It-taħdita se ssir minn Dr George Farrugia nhar l-Erbgħa, 28 ta’ Marzu 2012, fis-6:30pm fis-Sala EB1, l-Università ta’ Malta.

Din it-taħdita tinteressa lil kull min għandu għal qalbu l-iżvilupp ta’ lsienna, speċjalment l-għalliema tal-Malti.

Għal tagħrif ieħor ara din iċ-ċirkulari.

Mistoqsija u Tweġiba 21

staqsiMinn Thomas Pace

Meta nikteb “dar” u meta “dahar”?

In-nom “dar” jirreferi għall-post fejn noqogħdu. Nużawh ukoll bħala verb għal meta ddur (il-passat tat-3et pers. mask. sing. bl-għerq d-w-r).

In-nom “dahar” jirreferi għall-parti ta’ wara ta’ ġisimna, dak li nserrħu mad-“dahar” tas-siġġu meta npoġġu bilqiegħda.

Dawn il-‘koppji’ b’tifsiriet differenti nsibuhom f’ħafna lingwi u spiss ifixkluna. Biex nifhmuhom aħjar, nistgħu naqsmuhom fi tlieta:

1)  Omonimi: kliem bl-istess kitba u bl-istess ħoss
eż. bank (tal-ġnien) u bank (tal-flus)
      tromba (tat-temp) u tromba (li tittawwal minnha fil-bogħod)
 
2) Omografi: kliem bl-istess kitba imma b’ħoss differenti
eż. kaħħal  (verb) u kaħħal  (nom)
      baħħar (verb) u baħħar (nom)
 
3) Omofoni: kliem bl-istess ħoss u b’kitba differenti
eż. xahar (tal-kalendarju) u xagħar (ta’ fuq rasna)
      dahar (li nserrħu) u dar (fejn noqogħdu)
        
Mela:
dar (nom) u dar (verb) huma omonimi IMMA dar (nom) u dahar (nom) huma omofoni.

Attività Letterarja

Nhar il-Ħamis 15 ta’ Marzu, il-komunità tal-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu, laqgħet fostha l-membri tal-Għaqda Poeti Maltin. L-Iskola u l-Għaqda tellgħu flimkien attività letterarja biex ifakkru l-ħamsin sena mill-mewt tal-Poeta Anastasju Cuschieri, magħruf  kemm bħala l-Poeta tal-Madonna kif ukoll tal-Ilsien Malti. Mistiedna għal din l-attività kien hemm il-ġenituri u l-ħbieb tal-iskola li għandhom għal qalbhom il-letteratura Maltija.

Il-President tal-Għaqda Poeti Maltin, is-Sur Charles Magro fetaħ din l-attività. L-istudenti tar-raba’ u l-ħames sena qraw u animaw diversi poeżiji mill-antoloġija ta’ Patri Anastasju. It-tfal qraw ukoll siltiet ta’ riċerka li għamlu fuq dan il-poeta Malti. Is-Segretarju tal-Għaqda, is-Sur Salvu Sammut qasam mat-tfal informazzjoni fuq il-ħajja tal-poeta, filwaqt li l-Assistenta Kap tal-Iskola, is-Sa Bernardette Mercieca spjegat il-benefiċċji tal-poeżija fl-iżvilupp letterarju tat-tfal. Din l-attività kienet parti integrali mill-Pjan għall-Iżvilupp tal-Iskola li qed jiffoka fuq il-kompetenzi tal-lingwi fost il-komunità skolastika.

Għal tagħrif ieħor fuq Patri Anastasju Cuschieri ara din il-kartolina, il-bijografija tiegħu, u s-sit tal-anniversarju

Mistoqsija u Tweġiba 20

staqsiMinn Olvin Vella

Nikteb “nexfin” jew “nixfin”? “Beżlin” jew “biżlin? “Kesħin” jew “kisħin”? Jew it-tnejn?

Dawn l-għażliet tajbin kollha.

Niktbu “hu niexef”, “hu bieżel”, “hu kiesaħ”. Meta rridu niktbu fuqna, niktbu “aħna nixfin” jew “aħna nexfin”.

Li qed jiġri huwa li t-tieni sillaba “-fin” għandha vokali twila u għalhekk il-vokali twila “-ie-” tal-ewwel sillaba rridu nqassruha. Il-vokali “-ie-” nistgħu nqassruha billi niktbu “-i-” jew “e”. Għalhekk huma tajbin iż-żewġ għażliet, bħal “kesħin” jew “kisħin”.

Hija l-istess raġuni għala naraw miktub “ma kenux” u “ma kinux”; “żmenijiet” u “żminijiet”.

Is-suġġeriment tagħna lill-għalliema huwa li meta xi waħda minn dawn l-għażliet donnha tibda tintrabat ma’ pronunzja djalettali jew ma’ pronunzja qadima (eż. “żmenijiet”), jagħżlu l-forma li tirrifletti l-pronunzja tal-Malti Standard Modern. Fi kliem ieħor, isegwu l-intwizzjoni tagħhom. Ngħidu aħna, illum qajla tiltaqa’ ma’ kotba ġodda li jġibu kliem bħal “misserijiet” (flok “missirijiet”) kif konna naraw fil-kotba ta’ dari.

Huwa minnu li ż-żewġ forom huma korretti, imma lkoll naqblu li waħda minnhom qed tinqata’ mit-taħdit bil-Malti Standard Modern.

Kotba elettroniċi bil-Malti

Bħalissa qed naraw li l-kittieba ħabrieka tal-Malti qegħdin jimirħu fid-dinja tal-pubblikazzjoni elettronika. Sa issa nafu li hemm erba’ kotba elettroniċi bil-Malti.

Dan huwa ta’ pjaċir kbir għalina u għaldaqstant inħeġġu lill-kittieba tal-Malti biex ikomplu jirregalaw lit-tfal Maltin stejjer sbieħ bi lsienna. U nħeġġu lilkom ukoll, għeżież għalliema u ġenituri, biex tkomplu tħeġġu lit-tfal jaqraw stejjer miktubin bl-ilsien sabiħ tagħna.