Ħajr u stedina

Nixtiequ nifirħu u nroddu ħajr lill-għalliema tal-Iskola Primarja tar-Rabat, is-Sa Claire Sammut tar-riżorsi sbieħ u interessanti li qed toħloq għat-tagħlim tal-Malti fil-primarja. Waħda mir-riżorsi tajbin għas-sitt sena tal-primarja fuq il-verbi trilitteri u kwadrilitteri ssibuha minn hawn.

Inħeġġu lill-għalliema joħolqu riżorsi simili bil-kompjuter jew b’mezzi oħra, fosthom għall-bord intelliġenti u jgħadduhomlna ħalli nkattru l-għadd ta’ riżorsi li qed intellgħu f’dan il-bank ta’ riżorsi. Tajjeb infakkru lil kull min jinqeda b’dawn ir-riżorsi biex jirrispetta d-drittijiet tal-awturi.

Mistoqsija u Tweġiba 23

staqsiMinn Olvin Vella

Niktbu il-bogħod jew ’il bogħod?

Meta ngħidu telaq ’l hemm jew ħares ’l isfel, ’l hija taqsira ta’ lejn (u m’għandha x’taqsam xejn mal-artiklu u allura ma nagħmlux sing). Minħabba li hawnhekk għandna taqsira ta’ lejn, l-użu tat-taqsira jintrabat ma’ xi direzzjoni.

Ngħidu aħna:
’l hemm
’l hawn
’l hinn
’l isfel
’il bogħod
’il fuq
’il barra
’il ġewwa
’il quddiem
’il fejn

Kif qed naraw fl-aħħar eżempji, it-taqsira ’l inżidulha l-vokali tal-leħen meta jkollna bżonnha.

Eż 1 Tlajna ’l fuq.
Eż 2 Inżilt ’l isfel.
Eż 3 Ġrejt  ’il barra.
Eż 4 ’Il fejn sejjer?

Noti oħra

1. Bi drawwa (u skont ir-regoli attwali tal-kitba) qatt ma niktbu ’l ura (il-maqlub ta’ ’l quddiem), imma lura.

2. Il-virgoletta fit-taqsira tinkiteb “magħluqa”, jiġifieri tħares lejn ix-xellug. Meta nkabbru narawha hekk:

3. Il-kitba tat-taqsira ta’ lejn kumbinazzjoni taqbel mat-taqsira ta’ lil (eż. Tajt ktieb ’il ħija.)

L-Għid it-Tajjeb!

Nawguraw l-Għid it-tajjeb lill-għalliema kollha.

George Mifsud, David Agius Muscat, David Muscat
L-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti

chezus.com

Mistoqsija u Tweġiba 22

staqsi

Minn David Agius Muscat

Kif nikteb dawn?

– Xogħlijiet jew xogħolijiet?

– Ġimagħtejn jew ġimgħatejn?

– Nagħaġ jew ngħaġ?

– Żgħażagħ jew żagħżagħ?

– X’mudelli nista’ nuża għal nomi bħal mgħarfa u snajja’ ?

 

Sib it-tweġiba għal dan kollu u aktar minn hawn [ppt].