Sorpriża lill-President ta’ Malta

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti flimkien mad-Dipartiment tal-Malti tal-Primarja tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni ppreżentaw lill-President tar-Repubblika ta’ Malta, l-E.T. Dr George Abela, l-għanja bil-Malti tal-Ferħ u Awguri (Happy Birthday) fl-okkażjoni ta’ għeluq sninu.

Il-Kor Anima mmexxi mis-Sa Marlene Gatt kanta l-għanja tal-Ferħ u Awguri miktuba minn Manwel Mifsud fuq il-melodija tradizzjonali tal-Happy Birthday u l-għanja Qalbhom Tajba fuq il-melodija tradizzjonali ta’ He’s a Jolly Good Fellow.

Fl-istess okkażjoni l-President ingħata ċart, bil-kliem tal-istess żewġ għanjiet, iddisinjata minn Trevor Żahra u ppubblikata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Din l-okkażjoni saret bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-President.

Kienet ilha tinħass il-ħtieġa li fost id-diversi verżjonijiet b’lingwi barranin ta’ dawn iż-żewġ għanjiet popolari ferm madwar id-dinja, ikun hemm ukoll il-verżjoni Maltija biex tintuża fl-iskejjel u f’okkażjonijiet festivi oħra.

Iċ-ċart u d-diska kompatta bl-għanjiet, li ġiet irrekordjata għand Lito’s Place bl-ilħna tat-tfal tal-Proġett Kreattiv ta’ Ħal Safi akkumpanjati mill-Mro Dominic Galea, se jitqassmu lil kull klassi tal-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex.

Avviż – l-Eżami ta’ Tmiem il-Primarja

Bħala parti importanti mill-eżerċizzju tal-Eżami ta’ Tmiem l-Edukazzjoni Primarja, inħarġet talba għall-għalliema li jixtiequ jikkoreġu l-karti tal-istudenti.

Nixtiequ nfakkrukom li dan ix-xogħol isir barra l-ħin tal-iskola u bi ħlas żejjed. F’dan l-eżami tal-Malti hemm 2 karti – waħda bl-eżerċizzji tas-smigħ u l-qari u l-oħra tal-kitba.  Min hu interessat nitolbuh jaqra l-informazzjoni maħruġa f’din iċ-ċirkulari. Tista’ timla din il-formola biex tapplika.

Min ikun jeħtieġ aktar tagħrif jista’ jċempel lil xi wieħed minna, l-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti inkarigati mis-settur tal-Primarja.

Nirringrazzjawkom bil-quddiem.

Riżorsi Supplimentari tal-Malti

Sejħa għal Sottomissjoni ta’ Riżorsi Supplimentari tal-Qari bil-Malti
għall-Ewwel sas-Sitt Sena tal-Livell Primarju

Id-Dipartiment tal-Kurrikulu u l-eLearning fi ħdan id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni qiegħed jitlob is-sottomissjoni ta’ riżorsi supplimentari tal-qari bil-Malti mill-Ewwel sas-Sitt sena tal-livell primarju biex l-iskejjel jagħżlu minn fosthom fix-xhur li ġejjin. Id-Dipartiment iżid ir-riżorsi supplimentari tal-qari bil-Malti regolarment biex l-iskejjel ikollhom f’idejhom lista aġġornata.

Il-lista tar-riżorsi supplimentari tal-qari bil-Malti, li hi ppubblikata fis-sit uffiċjali tal-Malti, se tiġi aġġornata wara li jsir il-proċess tal-għażla. Il-kotba li hemm diġà fil-lista, m’hemmx għalfejn ikunu sottomessi mill-ġdid.

Id-Direttur tal-Kurrikulu jistieden lill-awturi, pubblikaturi, distributuri ta’ kotba u lil dawk kollha involuti f’dan il-qasam biex jibagħtu kopja/i ta’ skema/i u/jew riżorsi ta’ qari bil-Malti fil-livell primarju għal skop ta’ evalwazzjoni. Ir-riżorsi mibgħuta għandhom ikunu bil-prezz ikkwotat magħhom.

Linji Gwida

Ir-riżorsi tal-qari jridu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet:

1. Ikunu konformi mal-prinċipji u l-linji gwida tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali.
2. Ikunu konformi mal-għanijiet u l-miri ta’ tagħlim tas-Sillabu Nazzjonali 2006. Kopji tal-aħħar verżjoni tiegħu jinkisbu minn dan is-sit elettroniku.
3. Jinkludu grafika/illustrazzjonijiet/stampi li jkunu kompatabbli ma’ testi u kuntesti ta’ ġeneri varji.
4. Ikunu addattati għal firxa ta’ ħiliet li wieħed isib fl-iskejjel primarji u li jkunu wkoll addattati għal strateġiji diversi ta’ tagħlim.
5. Preferibbilment jinkludu riżorsi u materjal ieħor t’għajnuna għall-għalliema.
6. L-għażla tar-riżorsi ssir skont iċ-ċekkjatura tal-qari.

Ir-riżorsi għandhom jiġu sottomessi sa mhux aktar tard minn nhar it-23 ta’ April 2012 f’nofsinhar, u għandhom jintbagħtu lil:

Is-Sa Agnes Borg (Segretarja)
Bord tal-Għażla tal-Kotba tal-Malti
Ir-Riżorsi Supplimentari tal-Qari bil-Malti (Primarja)
Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Il-Mall
Il-Furjana FRN 1460

Il-kotba sottomessi jingħataw lura lill-propjetarji fi żmien raġonevoli.
Ara l-ħolqa mill-Gazzetta tal-Gvern tat-23 ta’ Marzu 2012 p. 5997.

Għandek xi diffikultà fl-ortografija?

L-Akkademja tal-Malti se torganizza sessjoni li fiha se jkunu mwieġba d-diffikultajiet tal-għalliema fuq l-ortografija Maltija. Din se ssir il-Ġimgħa, 27 ta’ April 2012, mill-5.30pm sas-7pm fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, u se titmexxa mis-Sur Carmel Azzopardi.

L-għalliema tal-primarja u s-sekondarja mħeġġin jattendu u jistaqsu l-mistoqsijiet tagħhom fuq l-ortografija tal-Malti. Napprezzaw ħafna jekk il-mistoqsijiet jintbagħtu minn qabel lis-Sur Azzopardi f’dan l-indirizz ħalli jkun jista’ jitkellem direttament dwarhom dakinhar ta’ din is-sessjoni. L-għalliema jistgħu jistaqsuh xi mistoqsijiet dak il-ħin ukoll.

Kulħadd huwa mistieden jattendi u l-attendenza hija bla ħlas.
 
Is-Sur Carmel Azzopardi hu l-President tal-Akkademja tal-Malti u kien għalliem tal-Malti għal ħafna snin. Huwa kittieb u jispeċjalizza fl-ortografija Maltija.
 
Fuq din is-sessjoni nħarġet din iċ-ċirkulari għall-iskejjel.

Għal tagħrif ieħor dwar din is-sessjoni u għal aħbarijiet oħra dwar il-lingwa Maltija tista’ tara wkoll is-sit tal-Akkademja tal-Malti.

Riżorsi tal-Ħiliet Bażiċi

Għeżież għalliema tal-ħiliet bażiċi,

Wara r-rispons li tajtuna fil-korsijiet ta’ taħriġ għall-għalliema tal-ħiliet bażiċi tas-sekondarja li saru fi Frar u Marzu 2012, f’Malta u Għawdex, kull xahar se nibdew intellgħu għadd ta’ riżorsi fit-Taqsima tal-Ħiliet Bażiċi ta’ dan is-sit, biex tinqdew bihom fil-lezzjonijiet tagħkom.

L-ewwel tliet riżorsi huma:

a) l-ittri żgħar tal-alfabett
b) l-ittri kbar tal-alfabett
ċ) lista ta’ kliem ewlieni

Dawn l-ittri u l-kliem jistgħu jiċċekknu u jitkabbru skont il-ħtieġa, u jitqasqsu f’kartini jew leħħiet skont il-miri tat-tagħlim tal-lezzjoni, u l-għadd ta’ studenti u l-ħtiġijiet individwali tagħhom. L-ittri jistgħu jintużaw biex l-istudenti jgħaqqduhom f’sillabi, jekk l-għalliem/a jkun qed juża l-metodu tal-ispellija, jew biex l-istudenti jgħaqqduhom ħoss, ħoss (ittra, ittra) fi kliem ħafif, monosillabiku u l-bqija, jekk l-għalliem/a jkun qed jinqeda bil-metodu fonetiku. Il-kliem jista’ jintuża għal bosta taħriġiet, fosthom mill-għalliema li jinqdew bid-dettat.