Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti flimkien mad-Dipartiment tal-Malti tal-Primarja tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni ppreżentaw lill-President tar-Repubblika ta’ Malta, l-E.T. Dr George Abela, l-għanja bil-Malti tal-Ferħ u Awguri (Happy Birthday) fl-okkażjoni ta’ għeluq sninu.
Il-Kor Anima mmexxi mis-Sa Marlene Gatt kanta l-għanja tal-Ferħ u Awguri miktuba minn Manwel Mifsud fuq il-melodija tradizzjonali tal-Happy Birthday u l-għanja Qalbhom Tajba fuq il-melodija tradizzjonali ta’ He’s a Jolly Good Fellow.
Fl-istess okkażjoni l-President ingħata ċart, bil-kliem tal-istess żewġ għanjiet, iddisinjata minn Trevor Żahra u ppubblikata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Din l-okkażjoni saret bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-President.
Kienet ilha tinħass il-ħtieġa li fost id-diversi verżjonijiet b’lingwi barranin ta’ dawn iż-żewġ għanjiet popolari ferm madwar id-dinja, ikun hemm ukoll il-verżjoni Maltija biex tintuża fl-iskejjel u f’okkażjonijiet festivi oħra.
Iċ-ċart u d-diska kompatta bl-għanjiet, li ġiet irrekordjata għand Lito’s Place bl-ilħna tat-tfal tal-Proġett Kreattiv ta’ Ħal Safi akkumpanjati mill-Mro Dominic Galea, se jitqassmu lil kull klassi tal-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex.