Fuq talba tal-għalliema, l-Akkademja tal-Malti flimkien mal-uffiċjali edukattivi tal-Malti David Agius Muscat, George Mifsud u David Muscat, bil-kollaborazzjoni tal-kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti tal-Iskejjel tal-Knisja, Phyllis Debono u Claire Zerafa, se jorganizzaw sessjoni oħra ta’ tweġib ta’ mistoqsijiet dwar problemi pendenti fuq l-ortografija tal-Malti.
Din se ssir fit-18 ta’ Mejju 2012, mill-5.30 sas-7.00 ta’ filgħaxija fiċ-Ċentru tal-Kurrikulu, Triq Sarria, il-Furjana, u se titmexxa mis-Sur Carmel Azzopardi.
L-għalliema tal-primarja u s-sekondarja mħeġġin jattendu u jistaqsu fuq l-ortografija Maltija. Napprezzaw ħafna jekk il-mistoqsijiet jintbagħtu minn qabel lis-Sur Azzopardi f’dan l-indirizz ħalli jkun jista’ jitkellem dwarhom dakinhar tat-taħdita. L-għalliema jistgħu jistaqsuh xi mistoqsijiet dak il-ħin ukoll. Is-Sur Carmel Azzopardi huwa l-President tal-Akkademja tal-Malti u kien għalliem tal-Malti għal ħafna snin. Huwa kittieb u jispeċjalizza fl-ortografija Maltija.

L-ewwel sessjoni saret fis-27 ta' April 2012
Kulħadd huwa mistieden jattendi u l-attendenza hija bla ħlas.
Ara wkoll it-tagħrif fuq din l-attività mill-paġna taċ-ċirkularijiet (Ċirkulari 98/2012). Għal tagħrif ieħor u għal aħbarijiet oħra dwar il-lingwa Maltija, tista’ tidħol f’dawn is-siti wkoll:
Il-blogg għall-għalliema tal-Malti tas-sekondarja fl-iskejjel tal-Knisja


Il-festival mużikali Għanafest huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ l-apprezzament tal-mużika tradizzjonali Maltija fost it-tfal. Għalhekk nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Ġunju 2012, fid-9.30am l-Għanafest se jippreżenta programm speċjali ta’ għana għall-iskejjel. Dan il-programm jinkludi sessjoni interattiva mal-għannej Joey Grech (ta’ Raħal Ġdid), li se jgħanni spirtu pront fuq temi u suġġetti li jagħżlulu t-tfal stess.
L-Akkademja tal-Malti flimkien mal-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti, David Agius Muscat, George Mifsud u David Muscat, organizzaw sessjoni ta’ tweġib għal mistoqsijiet dwar problemi pendenti fuq l-ortografija tal-Malti.
Inroddu ħajr u nifirħu lill-għalliema tal-Malti, is-Sa Tiziana Bugeja, li tgħallem fl-Iskola Sekondarja tal-Bniet, il-Mosta, tal-Kulleġġ Marija Reġina, talli għoġobha tgħaddilna għadd ta’ karti tat-taħriġ u preżentazzjonijiet fuq il-ktieb Zito Zandarell ta’ Carmel G. Cauchi. Prosit tassew!