Laqgħat ma’ aktar minn 250 ġenitur

Wasalna f’nofs is-sena skolastika u nieħdu pjaċir li f’dawn l-ewwel xhur kellna l-opportunità li niltaqgħu mhux biss ma’ ħafna għalliema li qed jgħallmu fil-primarji imma wkoll mal-ġenituri li qed jibagħtu lil uliedhom fl-iskejjel primarji.

F’Novembru tal-2011 iltqajna darbtejn ma’ 50 ġenitur li jibagħtu lil uliedhom fl-iskola primarja tal-Qrendi, fil-Kulleġġ San Benedittu. Nirringrazzjaw lill-Kap tal-Iskola, is-Sur Karm Pace. Fl-istess xahar iltqajna ma’ 120 ġenitur li jibagħtu lil uliedhom fl-iskola primarja taż-Żejtun, immexxija mis-Sur Brian Craus, u ta’ dan nirringrazzjawh. Nhar it-13 ta’ Frar 2012 iltqajna ma’ 60 ġenitur li wliedhom imorru fl-iskejjel primarji tal-Kulleġġ Santa Klara. Nirringrazzjaw lill-Prinċipal tal-Kulleġġ, is-Sa Maria Ciappara, ta’ din l-opportunità sabiħa.

F’dawn il-laqgħat mal-ġenituri tkellimna dwar l-ilsien sabiħ tagħna u fl-istess waqt indirizzajna xi diffikultajiet li jsibu waqt li jkunu qed jagħtu daqqa t’id lil uliedhom fit-taħriġ tad-dar. Huwa ta’ pjaċir kbir għalina li jkollna laqgħat bħal dawn u kull darba nagħmlu kuraġġ bl-interess li l-ġenituri għandhom għal ilsienna.