Tul dawn l-aħħar erba’ snin iltqajna mal-għalliema kollha li jgħallmu fl-iskejjel primarji tal-Istat, kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex. Iltaqjna u tkellimna dwar ilsienna u ffukajna l-aktar fuq l-ortografija tal-Malti. Nirringrazzjaw lill-Prinċipali kollha li stidnuna u lill-Kapijiet, l-Assistenti tagħhom u lill-għalliema kollha tal-iskejjel li tawna l-appoġġ tagħhom.
Nirringrazzjaw ukoll lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti li dejjem sibnieh biex jagħtina l-għajnuna tiegħu. Ħafna drabi dawn il-laqgħat għamilniehom flimkien mal-Professur Manwel Mifsud, ma’ Dr George Farrugia u mas-Sur Olvin Vella, ilkoll letturi tal-Malti fl-Università ta’ Malta u membri tal-istess Kunsill. Grazzi wkoll lill-ħbieb tagħna Thomas Pace, Lawrence Deguara u Karl Scicluna li sibniehom dejjem meta tlabniehom.
Din is-sena skolastika reġgħu stidnuna l-iskejjel tal-Qrendi u taż-Żejtun. Huwa dejjem ta’ pjaċir għalina li nitkellmu magħkom fuq ilsienna.