Tul dawn l-aħħar erba’ snin iltqajna mal-għalliema kollha li jgħallmu fl-iskejjel primarji tal-Istat, kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex. Iltaqjna u tkellimna dwar ilsienna u ffukajna l-aktar fuq l-ortografija tal-Malti. Nirringrazzjaw lill-Prinċipali kollha li stidnuna u lill-Kapijiet, l-Assistenti tagħhom u lill-għalliema kollha tal-iskejjel li tawna l-appoġġ tagħhom.
Nirringrazzjaw ukoll lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti li dejjem sibnieh biex jagħtina l-għajnuna tiegħu. Ħafna drabi dawn il-laqgħat għamilniehom flimkien mal-Professur Manwel Mifsud, ma’ Dr George Farrugia u mas-Sur Olvin Vella, ilkoll letturi tal-Malti fl-Università ta’ Malta u membri tal-istess Kunsill. Grazzi wkoll lill-ħbieb tagħna Thomas Pace, Lawrence Deguara u Karl Scicluna li sibniehom dejjem meta tlabniehom.
Din is-sena skolastika reġgħu stidnuna l-iskejjel tal-Qrendi u taż-Żejtun. Huwa dejjem ta’ pjaċir għalina li nitkellmu magħkom fuq ilsienna.
Nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Frar 2012, fis-6.30pm, l-Akkademja tal-Malti se ttella’ taħdita fil-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta, il-Belt, fuq Ninu Cremona kittieb u studjuż tal-Malti f’għeluq l-40 sena minn mewtu. It-taħdita, bl-isem “Ninu Cremona, Ħajtu u Ħidmietu”, se jagħmilha s-Sur Joe Camilleri.
Nifirħu lill-Kunsill Lokali tal-Imġarr li fil-5 ta’ Frar 2012 semma s-sala tal-iskola primarja ta’ dan ir-raħal sabiħ għal Ġanni Cilia, edukatur u kittieb, magħruf bħala “is-Surmast”.