Kors għall-għalliema tal-Primarja

Id‑Dipartiment tat-Tmexxija tal‑Kurrikulu u l‑Kunsill Nazzjonali tal‑Ilsien Malti jistiednu lill‑għalliema kollha li jgħallmu fl‑iskejjel primarji (tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti) għal kors ta’ aġġornament fuq bażi volontarja bl‑isem ‘L‑Ortografija tal‑Malti 1’. Dan il‑kors hu mmirat għall‑għalliema tal‑Primarja li jħossu l‑ħtieġa li jsaħħu l‑għarfien tagħhom fl‑ortografija u se jsir mit‑3:30pm sal‑5:30pm fl-Iskola Sekondarja tal-Bniet, Tal-Ħandaq (Ħal Qormi), f’dawn il‑jiem:

20 ta’ Ottubru, 27 ta’ Ottubru,

10 ta’ Novembru, 17 ta’ Novembru, 24 ta’ Novembru,

1 ta’ Diċembru

Inħeġġu lill‑għalliema li jattendu l‑kors biex iressqu d‑diffikultajiet ortografiċi li jiltaqgħu magħhom huma u l‑istudenti tagħhom u jistaqsu l‑mistoqsijiet li jkollhom.

L‑għalliema li jixtiequ jattendu dan il‑kors għandhom jibagħtu ittra elettronika b’isimhom u kunjomhom, in‑numru tal‑identità, l‑indirizz postali u elettroniku, in-numru tat-telefown u l-iskola fejn jgħallmu lill‑Uffiċjal Edukattiv tal‑Malti, is‑Sur David Agius-Muscat  sa nhar l‑Erbgħa, 15 ta’ Ottubru 2014.

Il‑kors huwa bla ħlas u se jingħażlu l‑ewwel tletin għalliem li japplikaw.

Min jattendi l‑laqgħat kollha jingħata ċ‑ċertifikat uffiċjali mid‑Direttorat tal‑Kwalità u Standards fl‑Edukazzjoni u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Tista’ taqra wkoll din iċ-ċirkulari.

Premju għall-użu tajjeb tal-Malti

AĠĠORNAMENT: Id-data tal-għeluq tal-Premju Frans Sammut
estiża sal-11 ta’ Lulju

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni nieda l-Premju Frans Sammut li se jibda jingħata kull sena lil dawk l-entitajiet privati, istituzzjonijiet governattivi, mezzi tax-xandir u skejjel li juru li fil-komunikazzjoni verbali, bil-kitba u elettronika jinqdew bl-ilsien Malti b’mod tajjeb, kreattiv u innovattiv. Il-Premju jinqasam f’żewġ kategoriji:

Kategorija A: Għall-entitajiet, fosthom għaqdiet volontarji, Kunsilli Lokali, kumpaniji privati, istituzzjonijiet governattivi, fondazzjonijiet, koperattivi u l-bqija.

Kategorija B: Għal skejjel statali, tal-Knisja u Privati, u entitajiet oħra li jaħdmu fil-qasam edukattiv.

Il-premjijiet huma ta’ €1,000, €500 jew €250 fiż-żewġ kategoriji.

Dawk l-iskejjel li jidhrilhom li jixirqilhom dan il-Premju (Kategorija B) għandhom jaqraw il-Linji Gwida tal-Premju u jissottomettu ittra ta’ applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa sa mhux aktar tard mill-11 ta’ Lulju 2014, fl-indirizz:

L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol
Triq l-Assedju l-Kbir
Il-Furjana VLT 2000

Jistgħu japplikaw jew jiġu nnominati skejjel li jużaw Malti tajjeb fil-komunikazzjoni ta’ kuljum u fl-attivitajiet soċjokulturali tagħhom, ngħidu aħna, fl-ittri li jibagħtu lill-ġenituri, l-ismijiet tal-klassijiet, is-sit elettroniku tal-iskola, il-fuljett jew materjal stampat ieħor tal-iskola, il-kunċerti jew ir-reċti ta’ Jum il-Premjazzjoni, u l-bqija.

Min jixtieq tagħrif ieħor jista’ jċempel fuq 2598 2885.

L-Aċċent

L-Aċċent huwa rivista fuq ilsienna maħduma minn tradutturi li qegħdin jaħdmu ma’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu u fi Brussell. Ir-rivista toħroġ mid-Dipartiment tal-Ilsien Malti tal-Kummissjoni Ewropea.

Ir-rivista tagħtina tagħrif interessanti fuq il-Malti u nħeġġukom tidħlu fiha minn hawn.