Aktar kanzunetti bil-Malti għat-tfal

Għeżież għalliema u ġenituri, ħsibna li nilqgħukom għas-sena skolastika l-ġdida b’rigal ta’ sitt kanzunetti ġodda bil-Malti għat-tfal ċkejknin. Dan huwa frott proġett ieħor bejn id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Nirringrazzjaw lilhom it-tnejn u lill-awturi u l-kompożituri tas-sitt kanzunetti.

Dawn il-kanzunetti nħadmu apposta biex jitkantaw mit-tfal fil-klassijiet mal-għalliema, u fid-djar mal-ġenituri. Fil-fatt, fil-filmat ta’ kull kanzunetta tidher żigarella bil-kliem tagħha ħalli t-tfal ikunu esposti għall-kliem miktub. Nittamaw li kemm intom kif ukoll it-tfal tagħkom tieħdu gost bihom.

Sadattant, il-kanzunetti dehru fis-sit tal-aħbarijiet newsbook u aħna qed naħdmu biex intellgħu aktar kanzunetti ħelwin bħal dawn, bil-lingwa sabiħa tagħna!

Dawn t’hawn taħt huma biss tnejn minnhom, imma l-kanzunetti ssibuhom kollha fuq l-istazzjon tal-YouTube tagħna, ilsien pajjiżi. Għalhekk tistgħu tużawhom ukoll mat-tfal mit-tablet jew mill-ismartphone.

Tista’ tara wkoll iċ-ċirkulari fuq dan il-proġett, minn hawn.

DAWN HUMA BISS TNEJN, KEMM TIEĦU IDEA. HEMM ERBGĦA OĦRA JISTENNEWK, HAWN!

L-Innu Malti

L-Akkademja tal-Malti ħadet l-inizjattiva tistampa numru ta’ kartelluni sbieħ bil-kliem tal-Innu Malti. Il-proġett kien f’idejn Olvin Vella, Victor Fenech u Trevor Żahra. Il-ħsieb ta’ dan il-proġett kien li, bl-appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, kull klassi tal-Primarja (fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti) jkollha kartellun bl-innu nazzjonali. Inħadem ukoll kartellun ieħor biex jitwaħħal f’post prominenti f’kull skola tas-sekondarja.

Tul din is-sena skolastika se nkunu qed inqassmu dawn il-kartelluni fl-iskejjel. Inħeġġukom biex inkantaw l-innu nazzjonali kuljum fil-laqgħat ta’ filgħodu. Hawnhekk issibu wkoll preżentazzjoni fuq l-Innu Malti.

Jum Dun Karm 2014

Il-Ġimgħa 17 ta’ Ottubru 2014, id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kumitat Festi Nazzjonali se jorganizzaw korteo u ċerimonja kommemorattiva f’ġieħ Dun Karm, il-Poeta Nazzjonali. L-attività tibda fid-9.30am. F’dal-ħin l-istudenti u l-għalliema ta’ skejjel primarji u sekondarji differenti jinġabru ħdejn l-Iskola Primarja tal-Furjana, u minn hemm jibda miexi l-korteo sa ħdejn il-monument ta’ Dun Karm.

Hawnhekk jinqraw xi poeżiji ta’ Dun Karm u jitqiegħdu wkoll bukketti tal-fjuri minn kull skola li tattendi. Il-kantanta Doreen Galea se tkanta żewġ poeżiji ta’ Dun Karm, immużikati mill-Mro Dominic Galea. L-attività għandha tieħu madwar siegħa. Il-preżentazzjoni tal-għodwa se tkun f’idejn is-Sur Alan Saliba, Kap tad-Dipartiment tal-Malti.

Il-kapijiet tal-iskejjel li jogħġobhom jibagħtu rappreżentazzjoni mill-iskejjel tagħhom huma mitlubin jiktbu lill-Uffiċjal Edukattiv David Agius-Muscat u jingħatalhom it-tagħrif tal-programm.

Infakkrukom li f’dan is-sit stess issibu preżentazzjoni (ppt) b’ritratti mill-ħajja ta’ Dun Karm. Issibu wkoll l-Innu ta’ Filgħodu (Reġa’ sebaħ ja Mulejja…) miktub minn Dun Karm, b’mużika tas-Surmast Ġużeppi Caruana. Hemm verżjoni kantata minn Doreen Galea, u verżjoni strumentali, biex ikantaw magħha t-tfal. Inħeġġu lill-għalliema tal-Primarja jkantaw dan l-innu kull filgħodu fil-klassijiet tagħhom.

Tagħmlu tajjeb li f’Jum Dun Karm taraw li l-iskola tagħkom tfakkar lill-Poeta Nazzjonali kif jixraq, billi waqt il-laqgħa ta’ filgħodu tinqara l-bijografija tiegħu u xi poeżiji minn tiegħu. Bħal kull sena, nistednuk biex jekk l-iskola tiegħek torganizza xi attività f’ġieħ Dun Karm tibagħtilna xi ritratti u kitba qasira fuqha biex jittellgħu fis-sit tagħna.

Kors għall-għalliema tal-Primarja

Id‑Dipartiment tat-Tmexxija tal‑Kurrikulu u l‑Kunsill Nazzjonali tal‑Ilsien Malti jistiednu lill‑għalliema kollha li jgħallmu fl‑iskejjel primarji (tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti) għal kors ta’ aġġornament fuq bażi volontarja bl‑isem ‘L‑Ortografija tal‑Malti 1’. Dan il‑kors hu mmirat għall‑għalliema tal‑Primarja li jħossu l‑ħtieġa li jsaħħu l‑għarfien tagħhom fl‑ortografija u se jsir mit‑3:30pm sal‑5:30pm fl-Iskola Sekondarja tal-Bniet, Tal-Ħandaq (Ħal Qormi), f’dawn il‑jiem:

20 ta’ Ottubru, 27 ta’ Ottubru,

10 ta’ Novembru, 17 ta’ Novembru, 24 ta’ Novembru,

1 ta’ Diċembru

Inħeġġu lill‑għalliema li jattendu l‑kors biex iressqu d‑diffikultajiet ortografiċi li jiltaqgħu magħhom huma u l‑istudenti tagħhom u jistaqsu l‑mistoqsijiet li jkollhom.

L‑għalliema li jixtiequ jattendu dan il‑kors għandhom jibagħtu ittra elettronika b’isimhom u kunjomhom, in‑numru tal‑identità, l‑indirizz postali u elettroniku, in-numru tat-telefown u l-iskola fejn jgħallmu lill‑Uffiċjal Edukattiv tal‑Malti, is‑Sur David Agius-Muscat  sa nhar l‑Erbgħa, 15 ta’ Ottubru 2014.

Il‑kors huwa bla ħlas u se jingħażlu l‑ewwel tletin għalliem li japplikaw.

Min jattendi l‑laqgħat kollha jingħata ċ‑ċertifikat uffiċjali mid‑Direttorat tal‑Kwalità u Standards fl‑Edukazzjoni u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Tista’ taqra wkoll din iċ-ċirkulari.