Kartolini tal-Milied u riżorsi oħra

KartolinaIl-Milied reġa’ wasal u bħalissa fl-iskejjel tagħna nibdew inħabblu moħħna kif se narmaw il-kurituri u l-klassijiet. Infakkrukom biex tużaw messaġġi bil-Malti, bħal Il-Milied it-Tajjeb, Xewqat Sbieħ, Is-Sena t-Tajba, u oħrajn.

Hawnhekk għandkom pass pass kif tagħmlu kartolini tal-presepju (istruzzjonijiet u forom għat-tqasqis) u tas-siġra tal-Milied (istruzzjonijiet u forom għat-tqasqis). Nirringrazzjaw lill-għalliema Josette Baldacchino li ħadet ħsieb tibni dawn il-preżentazzjonijiet bir-ritratti biex intom tkunu tistgħu taħdmu dawn il-kartolini fil-klassijiet tagħkom.

Nistiednukom tidħlu hawnhekk fejn għandkom aktar riżorsi fuq il-Milied.

Mistoqsija u Tweġiba 34

Minn Dr George Farrugia

Liema hi t-tajba:  widnitha jew widintha?

Nagħmlu tajjeb li nsegwu r-regoli uffiċjali tal-grammatika u nużaw “widnitha”.

Meta nom li jispiċċa b’konsonanti, segwita bil-vokali a, tiżdied miegħu t-T marbuta u suffiss li jibda b’vokali, dan in-nom iwaqqa’ l-aħħar vokali tiegħu. Jekk ma’ dan in-nom inżidu suffiss li jibda b’konsonanti, normalment din il-vokali ma taqax iżda x’aktarx tinbidel f’vokali oħra, kif jidher f’dawn l-eżempji.

 ħila  T  i  ħilati → ħilti
 ħila  T  na ħilitna
 sura  T   ek suratek → surtek
 sura  T  kom suritkom
 darsa  T  i  darsati → darsti
 darsa  T  kom darsitkom
 spalla  T  u  spallatu → spalltu
 spalla  T  na spallitna

Jekk in-nom ikun jispiċċa b’żewġ konsonanti, li l-aħħar waħda minnhom tkun likwida jew għ, segwita bil-vokali a, is-sitwazzjoni tinbidel xi ftit f’każ li miegħu tiżdied it-T marbuta u suffiss li jibda b’vokali. F’dan il-każ, meta n-nom iwaqqa’ l-aħħar vokali tiegħu, ħafna drabi jkollna nżidu vokali tal-leħen quddiem il-konsonanti likwida biex inkunu nistgħu nippronunzjaw il-kelma, eż.

 kamra  T  i   kamarati → kamarti
 sengħa  T  u   senegħatu → senegħtu
 widna  T  ek  widinatek → widintek

F’każ li s-suffiss ikun jibda bil-konsonanti, l-aħħar vokali tan-nom ma taqax, iżda tista’ tinbidel.

 kamra  T  na  kamritna
 sengħa  T  kom  sengħetkom 
 widna  T  kom  widnitkom

Imma dan x’tgħidilna l-grammatika u r-regoli uffiċjali tal-ortografija. Fil-verità l-istorja mhijiex daqshekk sempliċi, tant li mhux l-ewwel darba li xi ħadd jistaqsina, “Liema hi t-tajba: ‘widnitha’ jew ‘widintha’?” Jekk mhux ukoll naqbdu lilna nfusna, daqqa nippronunzjaw waħda u daqqa l-oħra.

Nistgħu ngħidu li l-kawża ta’ dawn il-varjanti hija l-h. Irridu niftakru li din l-h fl-antik kienet tinstema’, kellha l-ħoss partikolari tagħha, kif għad għandha fl-Għarbi llum. Iżda maż-żmien, din il-konsonanti tilfet il-ħoss partikolari li kellha u fil-Malti modern ħafna drabi ma tinstemax, pereżempju fi kliem bħal hena, dehra, wiċċha, hemeż, jhewden.

Minħabba f’hekk, meta l-pronom mehmuż ikun jibda bl-h jista’ jkun interpretat b’żewġ modi, jew bħala suffiss li jibda b’konsonanti (jekk nirraġunaw b’mod storiku) u għalhekk ‘widnitha’ bħal ‘widnitna’ u ‘widnitkom’, jew inkella bħala suffiss li jibda b’ħoss vokaliku (jekk nirraġunaw b’mod sinkroniku) u għalhekk ‘widintha’ bħal ‘widinti’ u ‘widintek’.

Hawn ta’ min isemmi wkoll fattur ieħor – it-tendenza dejjem tiżdied fil-Malti modern li nippriżervaw il-konsistenza taz-zokk. U dan iwassal biex inisibuha eħfef nippronunzjaw: widinti, widintek, widintu, widintha, widintna, widintkom, widinthom, bħalma bosta jippronunzjaw, kamarti, kamartek, kamartu, kamartha, kamartna, kamartkom, kamarthom.

Madanakollu, minkejja li dan huwa aċċettat fuq livell fonetiku, sal-lum il-grammatika u l-ortografija uffiċjali għadhom jaċċettaw biss il-forma storika. Dan ma jfissirx li xi darba l-forom ‘widintha’ u ‘widinthom’ ma jistgħux ikunu aċċettati wkoll, imma sakemm jasal dak il-waqt nagħmlu tajjeb jekk nosservaw ir-regoli uffiċjali.

Il-Premju Frans Sammut

Premju Frans SammutId-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol bi pjaċir iħabbar ir-rebbieħa ta’ Kategorija B (Skejjel) tal-Premju Frans Sammut; il-premju li minn din is-sena beda jingħata lil dawk l-entitajiet u l-iskejjel li juru li fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum qegħdin jagħmlu użu tajjeb mill-ilsien Malti.

Ir-rebbieħa huma:
L-ewwel – l-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke, tal-Kulleġġ Santa Klara
It-tieni – l-Iskola Primarja tas-Siġġiewi, tal-Kulleġġ San Injazju
It-tielet – il-Kulleġġ Savio ta’ Ħad-Dingli.

Id-Dipartiment tal-Kurrikulu filwaqt li jifraħ lill-iskejjel imsemmija hawn fuq u lill-iskejjel l-oħra li pparteċipaw fil-konkors ta’ din is-sena, iħeġġeġ lill-iskejjel primarji, sekondarji u postsekondarji tal-istat, il-Knisja u indipendenti biex fil-komunikazzjoni bil-fomm u bil-kitba li jagħmlu fil-ħajja ta’ kuljum, minbarra lingwi oħra, jużaw fuq kollox il-lingwa Maltija u jużawha b’mod tajjeb.

Dawk l-iskejjel li jużaw il-Malti tajjeb fir-rutina ta’ kuljum, ngħidu aħna, fiċ-ċirkolarijiet li joħorġu, is-sinjali u t-tabelli li jagħmlu fl-iskola, fis-sit elettroniku u r-rivista tagħhom, fil-laqgħat u l-attivitajiet soċjokulturali li jagħmlu għall-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri (bħal Jum il-Premjazzjoni) ikunu jistgħu jiġu nnominati għall-Premju Frans Sammut tas-sena 2015. In-nominazzjonijiet jiftħu fil-bidu tas-sena li ġejja, 2015.

Kors ieħor tal-Malti għall-ġenituri

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jistiednu lill-ġenituri li uliedhom huma studenti fl-iskejjel primarji jew sekondarji biex jattendu għat-tieni kors bl-isem ‘L-Ortografija tal-Malti’ li qed jiġi organizzat apposta għal dawk il-ġenituri li jixtiequ jsaħħu l-għarfien tagħhom fl-ortografija u jgħinu lil uliedhom fix-xogħol tal-Malti.

Il-kors se jsir jsir fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, ħdejn l-iskola Marija Assunta, mill-5.30pm sas-7.30pm f’dawn il-jiem:

NOVEMBRU – l-Erbgħa 5, 12, 19, 26

DIĊEMBRU – il-Ġimgħa 3, 10

Inħeġġu lill-ġenituri biex matul il-kors iressqu d-diffikultajiet ortografiċi li jiltaqgħu magħhom huma u wliedhom, speċjalment meta jkunu qed jagħtuhom daqqa t’id id-dar. Huwa importanti li l-ġenituri jgħaddu t-tagħrif korrett lil uliedhom u li jisħqu magħhom biex jiktbu b’Malti tajjeb.

Dawk kollha li jixtiequ jattendu dan il-kors għandhom jibagħtu ittra elettronika b’isimhom u kunjomhom, in-numru tal-identità, u l-indirizz postali u elettroniku tagħhom lill-Uffiċjal Edukattiv tal-Malti, is-Sur David Agius-Muscat fuq: david.agius.muscat@ilearn.edu.mt sa nhar il-Ġimgħa, 31 ta’ Ottubru 2014. In-numru dirett tiegħu huwa 2598 2927.

Il-kors huwa bla ħlas u se jingħażlu l-ewwel ħamsa u għoxrin li japplikaw.

Min jattendi l-laqgħat kollha jingħata ċertifikat ta’ attendenza mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.