Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu ħareġ il-lista ta’ kotba għall-qari supplimentari bil-Malti (stejjer u poeżiji) għall-iskejjel tal-Primarja tal-Istat għall-2014. Din il-lista għandha tkun ta’ għajnuna biex ikompli jissaħħaħ il-litteriżmu fit-tfal tal-Primarja u biex, bis-saħħa tagħha, ikunu jistgħu jingħażlu kotba supplimentari għall-klassijiet jew għal-libreriji tagħhom, jew għal qari ieħor waqt il-lezzjonijiet tal-Malti.
L-għażla tal-kotba saret wara s-sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern tal-1 ta’ Frar 2013, paġna 826, biex dawk kollha interessati jibagħtu l-kotba tagħhom ħalli jkunu evalwati minn bord ta’ edukaturi. Fil-bord kien hemm rappreżentanti mill-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, mid-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u għalliema.
Dan il-bord mexa fuq il-kriterji mniżżlin f’din iċ-ċekkjatura.
Id-Dipartiment tal-Malti jgħarraf li s-sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern hija miftuħa u kull min jixtieq jissottometti l-kotba tiegħu għall-evalwazzjoni huwa mitlub jagħmel dan skont ir-referenza tal-Gazzetta tal-Gvern imsemmija.
L-għalliema kollha tar-Raba’ u tal-Ħames Sena tal-Primarja huma mitluba jaraw il-linji gwida t’hawn taħt fuq it-tfassil u t-tqassim tal-karti tal-eżamijiet annwali tal-Malti għal tmiem din is-sena skolastika, maħruġin mid-Dipartiment tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu.
Fit-8 ta’ Mejju li għadda, id-Dipartiment tal-Malti tad-Direttorat tal-Edukazzjoni flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Fondazzjoni HSBC Malta nedew il-kalendarju bil-Malti għall-Primarja. It-tnedija saret fl-Iskola Primarja tal-Marsa mat-tfal u l-amministrazzjoni tal-iskola. Għaliha attendew il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Prof. Ray Fabri, u s-Sa Sarah Watkinson, Viċi Kap tal-Fondazzjoni HSBC Malta. Preżenti wkoll kien hemm il-Prinċipal tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, James Camilleri u s-Segretarja tal-Fondazzjoni HSBC Malta, Doriette Camilleri.
Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jistiednu lill-ġenituri li uliedhom huma studenti fl-iskejjel primarji jew sekondarji biex jattendu kors qasir bl-isem ‘L-Ortografija tal-Malti’. Dan hu mmirat għal dawk il-ġenituri li jixtiequ jsaħħu l-għarfien tagħhom fl-ortografija u jgħinu lil uliedhom fix-xogħol tal-Malti.
Fit-2 ta’ Mejju ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, id-Dipartiment tal-Malti tad-Direttorat tal-Edukazzjoni u l-Akkademja tal-Malti tellgħu taħdita interessanti għall-għalliema tal-Primarja u s-Sekondarja fuq l-ortografija ta’ lsienna.