Kors għall-għalliema f’Għawdex

avvizIt-Taqsima tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jistiednu lill-għalliema kollha li jgħallmu fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti għal kors ta’ aġġornament fuq bażi volontarja. Il-kors, L-Ortografija tal-Malti 1, hu maħsub għal dawk li jħossu l-ħtieġa li jsaħħu l-għarfien tagħhom fil-kitba bil-Malti.

Dan se jsir mill-4:30pm sas-6:30pm fiċ-Ċentru għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (Wied il-Lunzjata) ir-Rabat, Għawdex, f’dawn il-jiem:

20 ta’ Frar, 27 ta’ Frar, 6 ta’ Marzu, 13 ta’ Marzu, 20 ta’ Marzu, 27 ta’ Marzu

Inħeġġu lill-għalliema biex jattendu għall-kors u jressqu d-diffikultajiet ortografiċi li jiltaqgħu magħhom huma u l-istudenti tagħhom.

Min jattendi l-laqgħat kollha jingħata ċ-ċertifikat uffiċjali mid-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Tagħrif ieħor fuq il-kors u l-applikazzjonijiet issibu f’din iċ-ċirkulari.

Riżorsi tat-taħdit għall-primarja

Nitkellmu_1Waħda mill-miri ta’ tagħlim tal-lingwa Maltija hi, li l-istudenti jitgħallmu jesprimu ruħhom tajjeb. Għal dan il-għan hawnhekk se ssibu riżorsi tat-taħdit li jistgħu jintużaw fil-klassijiet tal-ewwel sentejn tal-primarja.

Kull taħriġ fih preżentazzjoni kif ukoll dokument li jgħin  fit-tħaddim ta’ kull preżentazzjoni.  Nirringrazzjaw lis-Sa Josette Baldacchino li ħejjiet dawn ir-riżorsi.

Irfina fil-kitba tal-Malti

Ix-xahar id-dieħel (Frar 2015), id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jiftħu l-għaxar kors universitarju fil-qari tal-provi bil-Malti. Għal sena oħra, dan il-kors se jkun offrut kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Il-kors hu twil sena u l-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa:

F’Malta: l-Università (l-Imsida), nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis, mill-5.30pm sat-8.30pm.

F’Għawdex: l-Università (ix-Xewkija), nhar ta’ Ġimgħa mill-5pm sad-9pm u nhar ta’ Sibt mit-8.00am sa 12.00pm. Il-kors jerġa’ jiftaħ f’Għawdex jekk jintlaħaq in-numru minimu ta’ applikanti eliġibbli. Għalhekk inħeġġu ħafna lill-għalliema u lill-uffiċjali li jaħdmu fl-amministrazzjoni tal-iskejjel f’Għawdex biex jaħtfu din l-opportunità li jaġġornaw ruħhom fil-kitba bil-Malti, f’Għawdex stess, u japplikaw.

Il-kors, minbarra li jħarrġek u jgħinek tirrevedi l-grammatika u l-ortografija tal-Malti biex tirfina l-kitba tiegħek bil-Malti, jagħtik ukoll iċ-ċans li tiddiskuti u tifhem aħjar ir-regoli tal-kitba tal-Malti. Għal dan il-għan jinkludi kemm lezzjonijiet prattiċi ta’ korrezzjoni, kif ukoll sessjonijiet fuq il-kitba u t-tiswija tal-Malti bil-kompjuter.

Huwa kors imfittex ħafna minn dawk li jużaw il-Malti f’xogħolhom u fil-pubblikazzjonijiet, bħalma huma l-ħaddiema tal-kunsilli lokali u tal-parroċċi, l-impjegati taċ-Ċivil u tas-settur Privat, l-għalliema tal-Malti u mhux, dawk li jaħdmu fl-istamperiji, ix-xandara u l-ġurnalisti (gazzetti, internet u televixin), it-tradutturi, u kull min jixtieq jikteb il-Malti bla żbalji.

L-applikazzjonijiet fetħu diġà u jibqgħu jintlaqgħu sal-Ġimgħa, 16 ta’ Jannar 2015. Il-formola tal-applikazzjoni timtela u tintbagħat b’mod elettroniku mis-sit tal-Università: www.um.edu.mt/apply.

Għal tagħrif ieħor fuq il-kors u fuq kif tapplika, idħol f’dan is-sit. Tista’ tara wkoll il-ktejjeb tal-kors u tikteb direttament lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Dan it-tagħrif tqassam ukoll f’din iċ-ċirkulari.

Tnedija ta’ ‘cartoons’ bil-Malti

Nhar it-Tlieta, 6 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti flimkien mal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta u l-għaqda volontarja Write Deal Association se jniedu żewġ cartoons sbieħ bil-Malti: Is-Sbejħa Rieqda u Il-Ħwejjeġ Ġodda tal-Imperatur.

Dawn imbagħad se jkunu jistgħu jintużaw b’xejn fl-iskejjel primarji tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti biex jitgawdew mit-tfal u jitgħallmu mill-messaġġ tagħhom. Se jkunu aċċessibbli wkoll mill-istazzjon tagħna tal-YouTube ‘ilsien pajjiżi’.

It-tnedija se ssir fil-Palazz tal-Verdala, ir-Rabat, u tibda fl-10 ta’ filgħodu. Għaldaqstant, nistiednu lill-kapijiet tal-iskejjel biex jinfurmaw lill-ġenituri ħalli jattendu għal din it-tnedija ma’ wliedhom. Minħabba li l-postijiet huma limitati, importanti li dawk il-ġenituri interessati jibagħtu ittra elettronika f’dan l-indirizz biex jibbukkjaw il-post/ijiet tagħhom. Fil-messaġġ importanti li jindikaw kemm se jkunu nies, bit-tfal inklużi. Qed jintlaqgħu l-ewwel 150 li jirreġistraw posthom. Id-dħul huwa b’xejn.

Din l-attività qed issir bil-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca.

Minn hawn tista’ tara ċ-ċirkulari ta’ din l-attività.

50 għalliem itemmu kors fl-ortografija

Fil-ġimgħat li għaddew ħamsin għalliem tal-Primarja minn skejjel differenti tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti temmew kors volontarju ta’ aġġornament fl-ortografija tal-Malti. Dawn issa se jkunu aktar sodi fl-użu tal-Malti fil-klassijiet li jgħallmu. Nifirħulhom minn qalbna.

Il-kors ġie organizzat mill-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti fi ħdan id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Iċ-ċerimonja qasira tal-għoti taċ-ċertifikati saret fil-preżenza tal-għalliema tal-kors, is-Sur Karl Scicluna u s-Sur Chris Giordano, u matulha tkellmu s-Sur David Agius Muscat, l-Uffiċjal Edukattiv inkarigat mit-tagħlim tal-Malti fil-Primarja, is-Sur Gaetano Bugeja, id-Direttur tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, u l-Prof. Ray Fabri, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Ħajr lis-Sur Thomas Pace, id-Direttur tal-Kunsill, għall-għajnuna tiegħu biex sar dan il-kors.

Fix-xhur li ġejjin se nkomplu norganizzaw aktar korsijiet bħal dawn għall-għalliema.