Mistoqsija u Tweġiba 14

Minn Olvin Vella

staqsiIl-kelma <biżgħa> teżisti?

Din il-forma hija tajba imma fil-fatt ma tintużax.

Mill-verb <huwa beża’> innisslu n-nom verbali <il-biża’>.

Normalment, min-nom verbali nnisslu dejjem nom tal-unità (i.e. marbut ma’ azzjoni waħda) u l-plural magħdud (i.e. jgħodd minn 2-10).

Ngħidu aħna:

Eż. 1 Eż. 2
verb: huwa qabeż verb: huwa għam
nom verbali: il-qbiż nom verbali: l-għawm
nom tal-unità: il-qabż|a nom tal-unità: l-għawm|a
plural magħdud: il-qabż|iet plural magħdud: l-għawm|iet

 
Fil-każ ta’ din il-mistoqsija, ninnutaw dan li ġej:

verb: huwa beża’

nom verbali: il-biża’

nom tal-unità: *il-biżgħ|a. (B’asteriska għax dil-forma ma tintużax.)

plural magħdud: il-beżgħ|at. (Il-plural magħdud jintuża!)
 
Ġeneralment, in-nom verbali huwa maskil u singular, kif jidher f’dawn l-eżempji:

1) Il-qbiż tal-ħabel tajjeb għas-saħħa.

2) L-għawm kmieni waranofsinhar aħarbu.

3) Il-biża’ mill-fatat ili ma nisma’ bih.
 
Madankollu, nomi verbali bħal <biża’> u <wisa’> (it-tielet radikali tagħhom hi GĦ) u <ħefa> u <għana> (it-tielet radikali hi J) hawn min iqishom femminil.

Ngħidu aħna,

1) Il-biża’ mill-ħares kienet kbira wisq.

2) Il-wisa’ tal-bini tkejjilhiex b’idejk.

3) Il-ħefa (i.e. id-drawwa li timxi ħafi) nqatgħet mit-toroq.

4) L-għana mhix popolari daqs il-hip hop.
 
Din il-bidla fil-ġens tan-nomi verbali tikkaratterizza l-forom li fit-taħdit nisimgħuhom jintemmu “-a” (biża’, wisa’, ħefa, għana).

Mistoqsija u Tweġiba 13

Minn Olvin Vella

staqsiX’għandna niktbu  <issuġġerit> jew <suġġerit>?

1. It-tnejn tajbin. Ir-regola li rridu nżommu d-duplikazzjoni tal-konsonanti tal-bidu tiswa biss għall-verbi.

Verb
kkanċella, jikkanċellaw
pprotesta, nipprotestaw

Partiċipji Passivi
ssuġġerit, suġġerit
pprotestat, protestat

2. Mhux il-partiċipji passivi kollha għandhom żewġ forom varjanti.

Verb
pparkja

Partiċipju Passiv
pparkjat (mhux parkjat).

3. Ninnutaw ukoll li ċerti forom tal-partiċipji passivi mhumiex meqjusin standard allavolja (i) jinstemgħu u (ii) l-forma tagħhom hi grammatikalment korretta.

Partiċipji Passivi
suġġerit, ssuġġerit, ssuġġerut
deċiż, ddeċidut

Ninnotaw li “ssuġġerut” u “ddeċidut” ma jitqisux standard għax il-kelliema ma jpoġġuhomx fl-istess livell tal-forom l-oħra, imma taħthom. Lil dawn il-forom “inferjuri” ħafna drabi norbtuhom mal-kelliema li mhumiex tal-iskola (għax min tgħallem it-Taljan l-iskola jaf li oriġinarjament kienu suggerito u deciso).

Madankollu, kif għedna hawn fuq, grammatikalment “ssuġġerut” u “ddeċidut” huma mibnija “tajjeb” bħal “ċedut”, “spiċċut”, “emmnut”.

Tgħiduli, huwa ġust allura li forom bħal issuġġerut, li l-unika ħtija tagħhom hija li meta daħlu fil-Malti ma komplewx jimxu bħall-oriġinal fit-Taljan, jinqatgħu mill-Malti Standard? Lingwistikament ma jagħmilx sens li nagħżlu bejn forma u oħra skont l-oriġini tagħhom.

Madankollu, il-kelliema jagħmlu dawn l-għażliet il-ħin kollu. Ċertu kliem jiġi ’l quddiem minħabba l-moda (eż. bomba – “offerta bomba”) u kliem ieħor għaddej minn agunija (eż. qabla u moxt). Għax il-lingwa hi ħajja f’ħalqna u AĦNA qed nagħżlu l-ħin kollu x’ngħidu biex inħossuna milqugħin min-nies ta’ madwarna.

4. Xi drabi żewġ forom varjanti jiksbu tifsira differenti.
eż. “Mark huwa konfuż” ma tfissirx li “Mark huwa kkonfondut”.

Iltaqa’ ma’ Kittieb Malti (kors)

Id-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jtellgħu l-kors għall-adulti ‘Iltaqa’ ma’ Kittieb Malti’ bejn Ottubru 2010 u Mejju 2011.

Dan il-kors se jagħti l-opportunità lil dawk preżenti li jiltaqgħu mal-kittieba tagħna b’mod mill-iktar informali.  Fil-kors se jieħdu sehem l-awturi ewlenin ta’ pajjiżna u ħa jkunu mistħarrġa diversi ġeneri ta’ kitba.  Il-kors hu miftuħ ħafna u se jħadden firxa wiesgħa sew ta’ awturi.

L-applikazzjonijiet jiġu milqugħa mid-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja bejn l-20 ta’ Awwissu u 3 ta’ Settembru 2010.

Min interessat, mitlub jikseb iktar informazzjoni billi jċempel fuq 2598 2444 jew jikteb: eveningcourses.meef@gov.mt.

Il-Bank tar-Riżorsi tal-Malti

Nagħtikom merħba f’dan il-blogg tal-Malti. Konna ilna naħsbu biex noħolqu din l-għodda elettronika għalikom l-għalliema tal-primarja biex mhux biss tkunu informati bl-aħħar tagħrif fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Malti, imma jkollkom ukoll riżorsi differenti biex tieħdu ideat minnhom u tużawhom fil-klassijiet tagħkom.

Huwa għalhekk li ddeċidejna li nsemmu dan il-blogg “Il-Bank tar-Riżorsi tal-Malti”. Ir-riżorsi ssibhom mill-menù ta’ fuq u mit-taqsimiet tal-ġenb.

Imma ma nistgħux nibnu bank ta’ riżorsi jekk inti wkoll ma tagħtix sehmek. Jekk għandek xi materjal li tixtieq taqsmu magħna, nitolbuk tgħaddihulna, u jidher f’ismek. Iktar ma jkollna materjal, iktar ikollna riżorsi differenti li nkunu nistgħu nużawhom mal-istudenti ta’ livelli differenti.

Jekk għandek xi kumment jew tixtieq tiltaqa’ magħna, iktbilna.

David Agius Muscat
Uffiċjal tal-Edukazzjoni għall-Malti

Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Triq Sarria
Il-Furjana FRN 1460

Tel. (+356) 2558 7101

Kotba ġodda għat-tagħlim tal-Malti

Sejħa għal kotba ġodda tal-lingwa Maltija għat-3 u r-4 Sena tal-Primarja

Id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni ħareġ avviż fil-Gazzetta tal-Gvern (tal-14 ta’ Mejju 2010, nru 18,593, p. 4185) għal sottomissjoni ta’ kotba tal-lingwa Maltija tat-3 u tar-4 Sena tal-Primarja. Is-sejħa tagħlaq il-Ħamis, it-3 ta’ Ġunju 2010. 

Kotba ġodda tal-lingwa Maltija għall-5 u s-6 Sena tal-Primarja

Mis-sena skolastika li jmiss (Settembru 2010) il-klassijiet tal-5 u s-6 Sena tal-Primarja se jkunu qed jużaw dawn il-kotba:

Stilel 5 u Kalejdoskopju 5 għall-5 Sena

Stilel 6 u Kalejdoskopju 6 għas-6 Sena

Il-proċess kollu biex jintgħażlu l-kotba ħa sena. Fl-14 ta’ April 2009 deher l-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern (nru 18,403) bl-isem “Sejħa għal Sottomissjoni ta’ Kotba għall-Kors tal-Lingwa Maltija għall-5 u s-6 Sena – Livell Primarju”. Il-kotba daħlu sat-28 ta’ dak ix-xahar stess u sadattant id-Direttorat ħatar bord ta’ esperti biex jagħżlu l-kotba. Dan il-bord kien magħmul minn għalliema fl-università u minn għalliema tal-5 u tas-6 Sena tal-primarja, immexxi minn uffiċjal fid-Direttorat. Il-bord fassal ċekkjatura biex jevalwa l-kotba u ltaqa’ tmintax-il darba.

Dawn il-kotba l-ġodda li se jidħlu fil-klassijiet tagħna se jkunu qed jieħdu post il-kotba Noli Noli (1, 2) u Nimxu Flimkien (9-12).

Għaldaqstant, b’sodisfazzjon, fil-klassijiet tal-primarja l-ilsien Malti qed nagħtuh nifs ġdid b’kotba ġodda li huma aktar attwali maż-żminijiet tal-lum u mat-tfal tagħna. Grazzi lil kull min ta sehmu fil-bord u nirringrazzja wkoll lill-pubblikaturi kollha li qed joffru lit-tfal tagħna riżorsi edukattivi sbieħ u ta’ kwalità tajba ħafna.

Nota: L-għalliema huma mitluba jgħarrfu lill-istudenti tagħhom biex ma jiktbux fuq dawn il-kotba. Dawn jinġabru fl-aħħar tas-sena skolastika biex jerġgħu jitqassmu fis-snin ta’ wara. Ara din iċ-ċirkulari dwar dan.