Nifirħulhom

Nifirħu lill-Iskola Sekondarja tal-Bniet ta’ Bormla, tal-Kulleġġ Santa Margerita, tal-inizjattiva sabiħa tagħhom f’ġieħ Dun Karm u l-Innu Nazzjonali.

Il-lapida li fiha l-kliem tal-Innu Nazzjonali u li tinsab fid-daħla tal-iskola kienet marret biż-żmien u bis-saħħa tas-Sur Vincent Bonnici ġiet irrestawrata mill-ġdid. Għall-kxif tal-lapida, il-Kap tal-Iskola, is-Sur James Camilleri, bl-għajnuna tal-Assistenti Kapijiet, is-Sinjuri Joe Ellul, Frans Borg u Doreen Costa u bl-għajnuna tal-għalliema, organizzaw ċerimonja simbolika li għaliha attendew l-Onorevoli Stephen Spiteri, l-Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-Xogħol u l-Familja, il-Prinċipal tal-Kulleġġ, is-Sur Stephen Cachia, u uffiċjali mid-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni.

 

Ħadna pjaċir nisimgħu l-kant tal-Innu Nazzjonali minn kor ta’ studenti tfajliet, immexxijin mill-għalliema Joanna  Mallia u Jacob Portelli.  Prosit ukoll lill-għalliema tal-Malti u l-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, is-Sur George Mifsud, li ħejjew lill-istudenti għal din iċ-ċerimonja. 

Nieħdu pjaċir nilqgħu dawn l-istedniet li matulhom inħossuna lkoll magħqudin u kburin li aħna Maltin. Jalla jkollna aktar inizjattivi sbieħ bħal dawn. 

Is-Siegħa tal-Kittieba

Din hi sensiela ta’ intervisti diretti ma’ għaxar kittieba.

Post: Is-Sala tal-Mużika tal-Kavallier ta’ San Ġakbu. Id-dħul huwa b’xejn.

Ħin:  Kull intervista tibda fis-7.30pm u ddum siegħa.

 

L-Iskeda tas-Sigħat

14-10-10  ĠORĠ BORG

     28-10-10  JOE FRIGGIERI

11-11-10   ĠUŻI GATT

           25-11-10  SIMONE INGUANEZ

          09-12-10  OLIVER FRIGGIERI

           20-01-11  LINA BROCKDORFF

    03-02-11  TREVOR ŻAHRA

17-02-11  ALFRED SANT

     03-03-11  WALID NABĦAN

    10-03-11  VICTOR FENECH

Konferenza fuq il-Qari ta’ Qabel l-Irqad

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jorganizza konferenza ta’ jum dwar il-Qari qabel l-Irqad (Bedtime Reading) nhar is-Sibt 23 ta’ Ottubru, 2010 fil-Lukanda Excelsior, il-Furjana.

Il-konferenza se tkun indirizzata minn bosta kelliema minn diversi oqsma u għandha l-għan li tinforza l-importanza ta’ dan is-suġġett.

Il-Kunsill min-naħa tiegħu, permezz tal-Konferenza se jkun qed iniedi programm ta’ attivitajiet mifruxa fuq tliet snin fejn jidħol il-qari qabel l-irqad.

Il-Konferenza hi miftuħa għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-qari u jixtiequ jħeġġu din il-kultura sabiħa. 

Dawk interessati li jieħdu sehem huma mitluba jimlew il-formola li tinkiseb mill-indirizz elettroniku info@ktieb.org.mt. Din għandha tintbagħat flimkien ma’ ħlas ta’ €10. Iċ-ċekkijiet għandhom jinkitbu fuq il-‘Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb’. Il-prezz  tal-ikel se jkun issussidjat. Mill-istess indirizz elettroniku wieħed jista’ jikseb iktar tagħrif kif ukoll il-programm sħiħ tal-konferenza.

Mistoqsija u Tweġiba 15

Minn Olvin Vella

staqsi

L-istudenti ta’ sikwit jgħidu <iġi>, <iekol> u <ieħu>. Jiena dejjem ngħid <ejja>, <kul> u <ħu> imma m’iniex ċerta jekk humiex qed jgħiduha ħażin. Liema hi t-tajba?

Fil-kotba tal-grammatika l-forom milqugħa huma <ejja>, <kul> u <ħu> biss.

<Iġi> naħseb li lkoll smajnieha fil-klassijiet iż-żgħar nett imma l-istudenti aktarx jaqilbu għal <ejja> huma u jikbru. Jitgħallmu jgħidu <ejja> mingħand l-għalliema, jew mingħand il-ġenituri meta jikkoreġuhom biex jitkellmu tajjeb.

<Iekol> hija mifruxa ħafna u jgħiduha anki l-kbar. Interessanti li nsibuha rreġistrata fil-ħrejjef miġburin minn Patri Manwel Magri fil-bidu tas-seklu 20 (ara, ngħidu aħna, Il-Ħrafa tax-Xhur: “Oqgħod baxx,” qalulu, “u iekol magħna.”). Patri Magri huwa meqjus wieħed mill-awturi klassiċi tagħna.

Il-forom <iġi>, <iekol> u <ħu>, għalkemm iċċensurati fil-kotba tal-grammatika, fil-fatt huma mibnija skont mudell grammatikali. F’ċerta età, it-tfal żgħar ikunu qabdu r-regola ta’ kif isawru l-imperattiv imqar jekk ikunu għadhom ma qabdux lapes b’idhom, u jimxu għar-rink*.

Jirraġunaw xi ħaġa hekk:

Jekk minn tixrob u tiġri nnisslu l-kmand int ixrob!, int iġri! …
… mela minn tiġi, tiekol, tieħu nnisslu: *int iġi!, *int iekol!, *int ieħu!

Ikunu qed jaqtgħu barra l-prefiss t- tal-konjugazzjoni tal-imperfett.

Din il-ġeneralizzazzjoni tar-regola nsejħulha l-livellar morfoloġiku. Għal każi fl-Ingliż ara din.

Nagħmlu tajjeb jekk fil-lezzjoni nikkoreġu l-forom <iġi>, <iekol> u <ieħu>. Imma nagħmlu aħjar jekk, waqt li nikkoreġuhom, lill-istudenti nfissrulhom l-għaliex joħorġu b’dawn il-forom.

* “għar-rink” hija idjoma Maltija. Tfisser jaqtgħu għad-dritt, bla ma jagħżlu.