Minn Olvin Vella
X’għandna niktbu <issuġġerit> jew <suġġerit>?
1. It-tnejn tajbin. Ir-regola li rridu nżommu d-duplikazzjoni tal-konsonanti tal-bidu tiswa biss għall-verbi.
Verb
kkanċella, jikkanċellaw
pprotesta, nipprotestaw
Partiċipji Passivi
ssuġġerit, suġġerit
pprotestat, protestat
2. Mhux il-partiċipji passivi kollha għandhom żewġ forom varjanti.
Verb
pparkja
Partiċipju Passiv
pparkjat (mhux parkjat).
3. Ninnutaw ukoll li ċerti forom tal-partiċipji passivi mhumiex meqjusin standard allavolja (i) jinstemgħu u (ii) l-forma tagħhom hi grammatikalment korretta.
Partiċipji Passivi
suġġerit, ssuġġerit, ssuġġerut
deċiż, ddeċidut
Ninnotaw li “ssuġġerut” u “ddeċidut” ma jitqisux standard għax il-kelliema ma jpoġġuhomx fl-istess livell tal-forom l-oħra, imma taħthom. Lil dawn il-forom “inferjuri” ħafna drabi norbtuhom mal-kelliema li mhumiex tal-iskola (għax min tgħallem it-Taljan l-iskola jaf li oriġinarjament kienu suggerito u deciso).
Madankollu, kif għedna hawn fuq, grammatikalment “ssuġġerut” u “ddeċidut” huma mibnija “tajjeb” bħal “ċedut”, “spiċċut”, “emmnut”.
Tgħiduli, huwa ġust allura li forom bħal issuġġerut, li l-unika ħtija tagħhom hija li meta daħlu fil-Malti ma komplewx jimxu bħall-oriġinal fit-Taljan, jinqatgħu mill-Malti Standard? Lingwistikament ma jagħmilx sens li nagħżlu bejn forma u oħra skont l-oriġini tagħhom.
Madankollu, il-kelliema jagħmlu dawn l-għażliet il-ħin kollu. Ċertu kliem jiġi ’l quddiem minħabba l-moda (eż. bomba – “offerta bomba”) u kliem ieħor għaddej minn agunija (eż. qabla u moxt). Għax il-lingwa hi ħajja f’ħalqna u AĦNA qed nagħżlu l-ħin kollu x’ngħidu biex inħossuna milqugħin min-nies ta’ madwarna.
4. Xi drabi żewġ forom varjanti jiksbu tifsira differenti.
eż. “Mark huwa konfuż” ma tfissirx li “Mark huwa kkonfondut”.