Mit-13 sas-17 ta’ Frar 2012, għoxrin għalliem u għalliema tal-Malti attendew kors qasir ta’ taħriġ fil-ħiliet bażiċi fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, il-Ħamrun. Il-kors organizzah id-Dipartiment tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità (QAD).
Fil-kors l-għalliema tħarrġu u ddiskutew strateġiji u metodoloġiji effettivi fit-tagħlim tal-ħiliet bażiċi, fosthom il-metodu multisensorjali, il-metodu fonetiku, it-tagħlim tal-lingwa b’mod sħiħ, u l-assessjar formattiv. L-għalliema ntwerew ukoll għadd ta’ riżorsi xierqa għat-tagħlim tal-ħiliet bażiċi kif ukoll filmati ta’ prattiċi tajbin miġbuda f’xi skejjel sekondarji. Min irid aktar tagħrif jew jeħtieġ xi għajnuna biex jgħallem il-Malti lil studenti bi bżonnijiet partikolari jista’ jibgħat ittre lil david.muscat.4@ilearn.edu.mt.
Il-preżentazzjonijiet tas-Sur Muscat, li ntużaw waqt il-kors, tista’ tarahom mit-taqsima tal-Ħiliet Bażiċi fuq il-lemin tas-sit.

L-għalliema tal-Malti li attendew għall-kors fil-ħiliet bażiċi, flimkien mal-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti, is-Sur David Muscat u s-Sur George Mifsud, u mal-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, is-Sur Marlon Barbara
Nifirħu lill-Kunsill Lokali tal-Imġarr li fil-5 ta’ Frar 2012 semma s-sala tal-iskola primarja ta’ dan ir-raħal sabiħ għal Ġanni Cilia, edukatur u kittieb, magħruf bħala “is-Surmast”.
Jum Dun Karm se jsir il-Ġimgħa, 14 ta’ Ottubru 2011. Se tkun okkażjoni speċjali għax minbarra t-tqegħid tal-fjuri bħas-soltu fuq il-monument tal-Poeta Nazzjonali, se tittella’ wkoll għodwa f’ġieħu fis-sala ewlenija tal-Istitut Kattoliku fil-Furjana.