Jum Dun Karm 2014

Il-Ġimgħa 17 ta’ Ottubru 2014, id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kumitat Festi Nazzjonali se jorganizzaw korteo u ċerimonja kommemorattiva f’ġieħ Dun Karm, il-Poeta Nazzjonali. L-attività tibda fid-9.30am. F’dal-ħin l-istudenti u l-għalliema ta’ skejjel primarji u sekondarji differenti jinġabru ħdejn l-Iskola Primarja tal-Furjana, u minn hemm jibda miexi l-korteo sa ħdejn il-monument ta’ Dun Karm.

Hawnhekk jinqraw xi poeżiji ta’ Dun Karm u jitqiegħdu wkoll bukketti tal-fjuri minn kull skola li tattendi. Il-kantanta Doreen Galea se tkanta żewġ poeżiji ta’ Dun Karm, immużikati mill-Mro Dominic Galea. L-attività għandha tieħu madwar siegħa. Il-preżentazzjoni tal-għodwa se tkun f’idejn is-Sur Alan Saliba, Kap tad-Dipartiment tal-Malti.

Il-kapijiet tal-iskejjel li jogħġobhom jibagħtu rappreżentazzjoni mill-iskejjel tagħhom huma mitlubin jiktbu lill-Uffiċjal Edukattiv David Agius-Muscat u jingħatalhom it-tagħrif tal-programm.

Infakkrukom li f’dan is-sit stess issibu preżentazzjoni (ppt) b’ritratti mill-ħajja ta’ Dun Karm. Issibu wkoll l-Innu ta’ Filgħodu (Reġa’ sebaħ ja Mulejja…) miktub minn Dun Karm, b’mużika tas-Surmast Ġużeppi Caruana. Hemm verżjoni kantata minn Doreen Galea, u verżjoni strumentali, biex ikantaw magħha t-tfal. Inħeġġu lill-għalliema tal-Primarja jkantaw dan l-innu kull filgħodu fil-klassijiet tagħhom.

Tagħmlu tajjeb li f’Jum Dun Karm taraw li l-iskola tagħkom tfakkar lill-Poeta Nazzjonali kif jixraq, billi waqt il-laqgħa ta’ filgħodu tinqara l-bijografija tiegħu u xi poeżiji minn tiegħu. Bħal kull sena, nistednuk biex jekk l-iskola tiegħek torganizza xi attività f’ġieħ Dun Karm tibagħtilna xi ritratti u kitba qasira fuqha biex jittellgħu fis-sit tagħna.

Films oriġinali mnebbħa mill-poeżiji tas-Sekondarja

Ftit tal-jiem oħra, l-għalliema tal-Malti u l-istudenti tal-Ewwel u t-Tieni Sena tas-Sekondarja se jkunu jistgħu jaraw fuq l-iskrins tal-kompjuters tagħhom u l-bords interattivi films qosra mnebbħa mill-poeżiji li hemm fis-sillabu tal-Malti. Dan kollu sar possibbli bis-saħħa ta’ proġett innovattiv li għaddej bejn l-Istitut tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST u l-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Nirringrazzjaw lill-istudenti tal-Midja tal-Istitut tal-Arti u d-Disinn, lil-lettur tagħhom Ian Attard, lid-Direttur tal-Istitut Stephen Vella u lill-Assistenti Diretturi Melanie Mizzi u Mark Theuma tas-sehem tagħhom.

Jekk intom interessati f’dan il-proġett, iktbu lill-Uffiċjal Edukattiv David Muscat. Sadattant, tistgħu taraw b’għajnejkom stess x’inhu jsir billi ssegwu, minn hawn taħt, iż-żewġ siltiet mill-ewwel żewġ poeżiji li qed naħdmu fuqhom.

L-ewwel film imnebbaħ mill-poeżija ‘Il-Barri’ ta’ Ġorġ Pisani
 

It-tieni film imnebbaħ mill-poeżija ‘Wied Qirda’ ta’ Dun Karm

Ħrejjef

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Akkademja tal-Malti jistiednu lill-għalliema tal-Malti u l-edukaturi interessati fil-kultura ta’ pajjiżna għal esperjenza unika ċinematografika ta’ erba’ ħrejjef Maltin.

Din se ssir fiċ-ċinema tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru 2013, fil-5.00 ta’ filgħaxija. L-attività ddum madwar nofs siegħa. Id-dħul huwa b’xejn.

Min biħsiebu jiġi għandu jikteb lis-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti, is-Sur Joe Borg, fuq info@akkademjatalmalti.com. Iċ-ċinema tesa’ 100 ruħ u jkunu aċċettati biss dawk li jirriservaw posthom l-ewwel.

Tagħrif ieħor dwar din l-attività ssibu hawn. Narawk!