Il-Ġimgħa 17 ta’ Ottubru 2014, id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kumitat Festi Nazzjonali se jorganizzaw korteo u ċerimonja kommemorattiva f’ġieħ Dun Karm, il-Poeta Nazzjonali. L-attività tibda fid-9.30am. F’dal-ħin l-istudenti u l-għalliema ta’ skejjel primarji u sekondarji differenti jinġabru ħdejn l-Iskola Primarja tal-Furjana, u minn hemm jibda miexi l-korteo sa ħdejn il-monument ta’ Dun Karm.
Hawnhekk jinqraw xi poeżiji ta’ Dun Karm u jitqiegħdu wkoll bukketti tal-fjuri minn kull skola li tattendi. Il-kantanta Doreen Galea se tkanta żewġ poeżiji ta’ Dun Karm, immużikati mill-Mro Dominic Galea. L-attività għandha tieħu madwar siegħa. Il-preżentazzjoni tal-għodwa se tkun f’idejn is-Sur Alan Saliba, Kap tad-Dipartiment tal-Malti.
Il-kapijiet tal-iskejjel li jogħġobhom jibagħtu rappreżentazzjoni mill-iskejjel tagħhom huma mitlubin jiktbu lill-Uffiċjal Edukattiv David Agius-Muscat u jingħatalhom it-tagħrif tal-programm.
Infakkrukom li f’dan is-sit stess issibu preżentazzjoni (ppt) b’ritratti mill-ħajja ta’ Dun Karm. Issibu wkoll l-Innu ta’ Filgħodu (Reġa’ sebaħ ja Mulejja…) miktub minn Dun Karm, b’mużika tas-Surmast Ġużeppi Caruana. Hemm verżjoni kantata minn Doreen Galea, u verżjoni strumentali, biex ikantaw magħha t-tfal. Inħeġġu lill-għalliema tal-Primarja jkantaw dan l-innu kull filgħodu fil-klassijiet tagħhom.
Tagħmlu tajjeb li f’Jum Dun Karm taraw li l-iskola tagħkom tfakkar lill-Poeta Nazzjonali kif jixraq, billi waqt il-laqgħa ta’ filgħodu tinqara l-bijografija tiegħu u xi poeżiji minn tiegħu. Bħal kull sena, nistednuk biex jekk l-iskola tiegħek torganizza xi attività f’ġieħ Dun Karm tibagħtilna xi ritratti u kitba qasira fuqha biex jittellgħu fis-sit tagħna.