Poeżiji drammatizzati

Inroddu ħajr lill-poeta, drammaturgu u għalliem Mario Azzopardi tal-poeżiji drammatizzati li qed joħloq għall-għalliema u l-istudenti tal-Ewwel u t-Tieni Sena tas-Sekondarja. Prosit tassew!

L-ewwel tliet poeżiji drammatizzati qegħdin fil-paġna tal-Ewwel Sena. Tistgħu tużawhom mal-istudenti waqt il-lezzjonijiet tal-Malti.

Fil-ġimgħat li ġejjin se nkomplu ntellgħu aktar riżorsi bħal dawn.

Inkantaw “Reġa’ sebaħ…”

“Reġa’ sebaħ, Ja Mulejja!” – hekk konna nkantaw kull filgħodu fil-klassijiet meta konna żgħar; l-Innu ta’ Filgħodu miktub mill-Poeta Nazzjonali Dun Karm, b’mużika ta’ Mro Ġużeppi Caruana.

Iltqajna ma’ bosta għalliema ħerqana biex jibdew il-ġurnata fil-klassi billi jkantaw l-Innu ta’ Filgħodu mat-tfal tagħhom. Ħadna pjaċir bl-entużjażmu ta’ dawn l-għalliema u għalhekk qabbadna lill-Mro Dominic Galea biex idoqqilna l-mużika sabiħa ta’ dan l-innu bil-pjanu, u jirrekordjahulna ħalli nkunu nistgħu ntellgħuh f’dan is-sit.

Inħeġġu lill-għalliema tal-klassijiet primarji biex jibdew jużaw din il-mużika u jkantaw dan l-innu sabiħ, kif konna nagħmlu aħna fi tfulitna. Ħsibna fi 3 verżjonijiet: żewġ verżjonijiet strumentali b’tonalitajiet differenti u verżjoni kantata minn Doreen Galea. Qed ninkuludulkom ukoll il-kliem ta’ dan l-innu.

Innu ta’ Filgħodu

Lirika

Verżjoni kantata | Verżjoni strumentali 1 | Verżjoni strumentali 2

Linji gwida għall-eżamijiet tal-ewwel sentejn tas-sekondarja

Nitolbu lill-għalliema tal-Malti tal-ewwel sentejn tas-Sekondarja jaraw iċ-ċirkulari u l-linji gwida għall-eżamijiet annwali tal-Malti ta’ din is-sena skolastika (Ġunju 2013). L-eżamijiet se joħorġu skont dawn il-linji gwida.

F’każ ta’ xi diffikultà jew kummenti oħrajn, nitolbukom tikkuntattjaw lill-Uffiċjali Edukattivi skont il-kulleġġi assenjati, indikati fl-istess ċirkulari.