L-Innu Malti

L-Akkademja tal-Malti ħadet l-inizjattiva tistampa numru ta’ kartelluni sbieħ bil-kliem tal-Innu Malti. Il-proġett kien f’idejn Olvin Vella, Victor Fenech u Trevor Żahra. Il-ħsieb ta’ dan il-proġett kien li, bl-appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, kull klassi tal-Primarja (fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti) jkollha kartellun bl-innu nazzjonali. Inħadem ukoll kartellun ieħor biex jitwaħħal f’post prominenti f’kull skola tas-sekondarja.

Tul din is-sena skolastika se nkunu qed inqassmu dawn il-kartelluni fl-iskejjel. Inħeġġukom biex inkantaw l-innu nazzjonali kuljum fil-laqgħat ta’ filgħodu. Hawnhekk issibu wkoll preżentazzjoni fuq l-Innu Malti.

Jum Dun Karm 2014

Il-Ġimgħa 17 ta’ Ottubru 2014, id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kumitat Festi Nazzjonali se jorganizzaw korteo u ċerimonja kommemorattiva f’ġieħ Dun Karm, il-Poeta Nazzjonali. L-attività tibda fid-9.30am. F’dal-ħin l-istudenti u l-għalliema ta’ skejjel primarji u sekondarji differenti jinġabru ħdejn l-Iskola Primarja tal-Furjana, u minn hemm jibda miexi l-korteo sa ħdejn il-monument ta’ Dun Karm.

Hawnhekk jinqraw xi poeżiji ta’ Dun Karm u jitqiegħdu wkoll bukketti tal-fjuri minn kull skola li tattendi. Il-kantanta Doreen Galea se tkanta żewġ poeżiji ta’ Dun Karm, immużikati mill-Mro Dominic Galea. L-attività għandha tieħu madwar siegħa. Il-preżentazzjoni tal-għodwa se tkun f’idejn is-Sur Alan Saliba, Kap tad-Dipartiment tal-Malti.

Il-kapijiet tal-iskejjel li jogħġobhom jibagħtu rappreżentazzjoni mill-iskejjel tagħhom huma mitlubin jiktbu lill-Uffiċjal Edukattiv David Agius-Muscat u jingħatalhom it-tagħrif tal-programm.

Infakkrukom li f’dan is-sit stess issibu preżentazzjoni (ppt) b’ritratti mill-ħajja ta’ Dun Karm. Issibu wkoll l-Innu ta’ Filgħodu (Reġa’ sebaħ ja Mulejja…) miktub minn Dun Karm, b’mużika tas-Surmast Ġużeppi Caruana. Hemm verżjoni kantata minn Doreen Galea, u verżjoni strumentali, biex ikantaw magħha t-tfal. Inħeġġu lill-għalliema tal-Primarja jkantaw dan l-innu kull filgħodu fil-klassijiet tagħhom.

Tagħmlu tajjeb li f’Jum Dun Karm taraw li l-iskola tagħkom tfakkar lill-Poeta Nazzjonali kif jixraq, billi waqt il-laqgħa ta’ filgħodu tinqara l-bijografija tiegħu u xi poeżiji minn tiegħu. Bħal kull sena, nistednuk biex jekk l-iskola tiegħek torganizza xi attività f’ġieħ Dun Karm tibagħtilna xi ritratti u kitba qasira fuqha biex jittellgħu fis-sit tagħna.

Il-lista tal-qari supplimentari 2014

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu ħareġ il-lista ta’ kotba għall-qari supplimentari bil-Malti (stejjer u poeżiji) għall-iskejjel tal-Primarja tal-Istat għall-2014. Din il-lista għandha tkun ta’ għajnuna biex ikompli jissaħħaħ il-litteriżmu fit-tfal tal-Primarja u biex, bis-saħħa tagħha, ikunu jistgħu jingħażlu kotba supplimentari għall-klassijiet jew għal-libreriji tagħhom, jew għal qari ieħor waqt il-lezzjonijiet tal-Malti.

L-għażla tal-kotba saret wara s-sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern tal-1 ta’ Frar 2013, paġna 826, biex dawk kollha interessati jibagħtu l-kotba tagħhom ħalli jkunu evalwati minn bord ta’ edukaturi. Fil-bord kien hemm rappreżentanti mill-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, mid-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u għalliema.

Dan il-bord mexa fuq il-kriterji mniżżlin f’din iċ-ċekkjatura.

Id-Dipartiment tal-Malti jgħarraf li s-sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern hija miftuħa u kull min jixtieq jissottometti l-kotba tiegħu għall-evalwazzjoni huwa mitlub jagħmel dan skont ir-referenza tal-Gazzetta tal-Gvern imsemmija.

Linji Gwida għall-Eżamijiet tal-Malti

L-għalliema kollha tar-Raba’ u tal-Ħames Sena tal-Primarja huma mitluba jaraw il-linji gwida t’hawn taħt fuq it-tfassil u t-tqassim tal-karti tal-eżamijiet annwali tal-Malti għal tmiem din is-sena skolastika, maħruġin mid-Dipartiment tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu.

Dawn il-linji gwida jistgħu jintużaw mill-iskejjel jew mill-kulleġġi biex ifasslu l-karti tal-eżamijiet tal-Malti ta’ nofs is-sena.

Min għandu xi diffikultà jista’ jikkuntattja lill-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti skont il-kulleġġi.

Linji Gwida għar-Raba’ Sena tal-Primarja

Linji Gwida għall-Ħames Sena tal-Primarja