L-Akkademja tal-Malti ħadet l-inizjattiva tistampa numru ta’ kartelluni sbieħ bil-kliem tal-Innu Malti. Il-proġett kien f’idejn Olvin Vella, Victor Fenech u Trevor Żahra. Il-ħsieb ta’ dan il-proġett kien li, bl-appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, kull klassi tal-Primarja (fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti) jkollha kartellun bl-innu nazzjonali. Inħadem ukoll kartellun ieħor biex jitwaħħal f’post prominenti f’kull skola tas-sekondarja.
Tul din is-sena skolastika se nkunu qed inqassmu dawn il-kartelluni fl-iskejjel. Inħeġġukom biex inkantaw l-innu nazzjonali kuljum fil-laqgħat ta’ filgħodu. Hawnhekk issibu wkoll preżentazzjoni fuq l-Innu Malti.