Kalendarju bil-Malti għall-Primarja

Fit-8 ta’ Mejju li għadda, id-Dipartiment tal-Malti tad-Direttorat tal-Edukazzjoni flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Fondazzjoni HSBC Malta nedew il-kalendarju bil-Malti għall-Primarja. It-tnedija saret fl-Iskola Primarja tal-Marsa mat-tfal u l-amministrazzjoni tal-iskola. Għaliha attendew il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Prof. Ray Fabri, u s-Sa Sarah Watkinson, Viċi Kap tal-Fondazzjoni HSBC Malta. Preżenti wkoll kien hemm il-Prinċipal tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, James Camilleri u s-Segretarja tal-Fondazzjoni HSBC Malta, Doriette Camilleri.

Dan il-kalendarju tad-drapp tħallas mill-Fondazzjoni HSBC Malta u sar bil-għan li jkompli jissaħħaħ l-ilsien Malti ma’ wliedna sa minn età ċkejkna. Fil-fatt, tfassal apposta għal etajiet żgħar u se jgħin fit-tagħlim tal-ismijiet tal-ġranet tal-ġimgħa, tax-xhur u tal-istaġuni bil-Malti, kif ukoll fit-tagħlim tan-numri u tal-espressjonijiet Maltin li bihom niddeskrivu t-temp. Huwa riżorsa multisensorjali li għandha tgħin lit-tfal tal-primarja jitgħallmu l-Malti b’mod divertenti. Il-kalendarju joffri logħba għall-istudenti billi, ta’ kull filgħodu, jaġġornaw id-data u t-temp, malli jidħlu fil-klassi.

Il-kalendarju se jitqassam f’din is-sena skolastika u matul is-sena li ġejja lil kull klassi tal-Ewwel Sena u lil numru ta’ libreriji fl-istess skejjel. It-tir ewlieni tad-Dipartiment tal-Malti huwa li jkompli joffri riżorsi kkuluri u sbieħ, bħal dan il-kalendarju, bil-Malti lill-istudenti u l-għalliema tagħna.

Grazzi lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u lill-Fondazzjoni HSBC Malta tal-appoġġ tagħhom f’din l-inizjattiva.

L-Ambaxxaturi tal-Qari fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq

Il-Ġimgħa, 31 ta’ Jannar 2014, l-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq laqgħet fil-klassijiet tagħha ħames mistednin speċjali. Dawn kienu l-Ambaxxaturi tal-Qari Claire Agius Ordway, Kurt Calleja, Keith Demicoli, Jessica Muscat u l-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo.

L-Ambaxxaturi tal-Qari qraw  storja bil-Malti u oħra bl-Ingliż lit-tfal tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Sena. Wara, il-Klabb tal-Qari tal-istess skola organizza forum fuq il-qari fis-sala tal-iskola. Fih ħadu sehem it-tfal tar-Raba’, il-Ħames u s-Sitt Sena tal-istess skola, il-Ministru tal-Edukazzjoni, l-Ambaxxaturi tal-Qari, il-Professur Charles Mifsud, il-Prinċipal tal-Kulleġġ u l-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti u l-Ingliż. L-attività ntemmet b’żewġ kanzunetti ta’ Jessica Muscat u Kurt Calleja.

 

Ħrejjef

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Akkademja tal-Malti jistiednu lill-għalliema tal-Malti u l-edukaturi interessati fil-kultura ta’ pajjiżna għal esperjenza unika ċinematografika ta’ erba’ ħrejjef Maltin.

Din se ssir fiċ-ċinema tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru 2013, fil-5.00 ta’ filgħaxija. L-attività ddum madwar nofs siegħa. Id-dħul huwa b’xejn.

Min biħsiebu jiġi għandu jikteb lis-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti, is-Sur Joe Borg, fuq info@akkademjatalmalti.com. Iċ-ċinema tesa’ 100 ruħ u jkunu aċċettati biss dawk li jirriservaw posthom l-ewwel.

Tagħrif ieħor dwar din l-attività ssibu hawn. Narawk!

Inkantaw u nisimgħu l-alfabett

Fil-paġni tal-Kinder u tal-Ewwel Sena tellajna l-alfabett Malti kantat ittra ittra mit-tfal tal-Ewwel Sena tal-Iskola Primarja ta’ Birkirkara, mill-Kulleġġ Santa Tereża.

Tistgħu tagħżlu l-ittri li tkunu qed tgħallmu lit-tfal tagħkom billi tidħlu fl-istazzjon il-ġdid tagħna tal-YouTube, ilsien pajjiżi, ħalli t-tfal ikantawhom u b’hekk  jitgħallmu l-ittri kollha b’mod divertenti. Għal kull ittra ssibu wkoll storja qasira moqrija.

Il-kanzunetti, il-mużika tagħhom, u l-istejjer huma xogħol l-għalliema Graziella Micallef li għandha esperjenza twila fit-tagħlim tal-Ewwel Sena. Bħalissa s-Sa Micallef qed tgħallem fl-Iskola Primarja ta’ Birkirkara. It-tfal li jidhru fil-filmati huma mill-klassi tagħha.

Il-produzzjoni viżiva ħa ħsiebha s-Sur Mario Demanuele.

Inkantaw “Reġa’ sebaħ…”

“Reġa’ sebaħ, Ja Mulejja!” – hekk konna nkantaw kull filgħodu fil-klassijiet meta konna żgħar; l-Innu ta’ Filgħodu miktub mill-Poeta Nazzjonali Dun Karm, b’mużika ta’ Mro Ġużeppi Caruana.

Iltqajna ma’ bosta għalliema ħerqana biex jibdew il-ġurnata fil-klassi billi jkantaw l-Innu ta’ Filgħodu mat-tfal tagħhom. Ħadna pjaċir bl-entużjażmu ta’ dawn l-għalliema u għalhekk qabbadna lill-Mro Dominic Galea biex idoqqilna l-mużika sabiħa ta’ dan l-innu bil-pjanu, u jirrekordjahulna ħalli nkunu nistgħu ntellgħuh f’dan is-sit.

Inħeġġu lill-għalliema tal-klassijiet primarji biex jibdew jużaw din il-mużika u jkantaw dan l-innu sabiħ, kif konna nagħmlu aħna fi tfulitna. Ħsibna fi 3 verżjonijiet: żewġ verżjonijiet strumentali b’tonalitajiet differenti u verżjoni kantata minn Doreen Galea. Qed ninkuludulkom ukoll il-kliem ta’ dan l-innu.

Innu ta’ Filgħodu

Lirika

Verżjoni kantata | Verżjoni strumentali 1 | Verżjoni strumentali 2