L-Ambaxxaturi tal-Qari fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq

Il-Ġimgħa, 31 ta’ Jannar 2014, l-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq laqgħet fil-klassijiet tagħha ħames mistednin speċjali. Dawn kienu l-Ambaxxaturi tal-Qari Claire Agius Ordway, Kurt Calleja, Keith Demicoli, Jessica Muscat u l-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo.

L-Ambaxxaturi tal-Qari qraw  storja bil-Malti u oħra bl-Ingliż lit-tfal tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Sena. Wara, il-Klabb tal-Qari tal-istess skola organizza forum fuq il-qari fis-sala tal-iskola. Fih ħadu sehem it-tfal tar-Raba’, il-Ħames u s-Sitt Sena tal-istess skola, il-Ministru tal-Edukazzjoni, l-Ambaxxaturi tal-Qari, il-Professur Charles Mifsud, il-Prinċipal tal-Kulleġġ u l-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti u l-Ingliż. L-attività ntemmet b’żewġ kanzunetti ta’ Jessica Muscat u Kurt Calleja.

 

Ħrejjef

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Akkademja tal-Malti jistiednu lill-għalliema tal-Malti u l-edukaturi interessati fil-kultura ta’ pajjiżna għal esperjenza unika ċinematografika ta’ erba’ ħrejjef Maltin.

Din se ssir fiċ-ċinema tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru 2013, fil-5.00 ta’ filgħaxija. L-attività ddum madwar nofs siegħa. Id-dħul huwa b’xejn.

Min biħsiebu jiġi għandu jikteb lis-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti, is-Sur Joe Borg, fuq info@akkademjatalmalti.com. Iċ-ċinema tesa’ 100 ruħ u jkunu aċċettati biss dawk li jirriservaw posthom l-ewwel.

Tagħrif ieħor dwar din l-attività ssibu hawn. Narawk!

Taħdita fuq kunjomijiet Maltin

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Akkademja tal-Malti qed jorganizzaw taħdita fuq kunjomijiet Maltin ta’ nisel Taljan. It-taħdita se ssir l-Erbgħa, 11 ta’ Diċembru 2013 mill-5.30 sas-6.30 ta’ filgħaxija fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, u se tingħata minn Dr Mario Cassar.

Tista’ taqra aktar fuq dan is-suġġett miċ-ċirkulari u din it-tagħrifa.

Taħdita pubblika fuq Dun Karm

Nhar l-Erbgħa 27 ta’ Novembru 2013 fis-6.30pm se ssir taħdita pubblika dwar “Dun Karm: Tamietu bejn Nazzjon u Fidi” mill-istudjuż Charlò-Carmel Camilleri O.Carm. Din se ssir fl-Università, tal-Qroqq, fiċ-Ċentru għall-Konferenzi Mikiel Anton Vassalli (Gateway,  Sala A).

Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn.

Din it-taħdita qed issir bl-inizjattiva tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università u l-Fondazzjoni Karmen Mikallef Buħaġar. Din il-Konferenza Karmen Mikallef Buħaġar issir kull sentejn bil-għan li ġġedded l-istudji dwar il-kitbiet u l-personalità letterarja tal-poeta nazzjonali.
 
It-taħdita ta’ Patri Charlò-Carmel Camilleri se ssir f’għeluq il-mitt sena mill-34 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f’Malta fl-1913 u l-kxif tal-mafkar tal-Kungress, xogħol Antonio Sciortino. L-għan tagħha hu li tgħarrex il-bixriet inqas magħrufin tal-ħajja u l-kitba ta’ Dun Karm, li bħala kittieb Malti b’sejħa ta’ qassis u b’qalb ta’ poeta kellu tamiet nazzjonali li jistħoqqilhom ħarsa mill-qrib.

Il-viżjoni ta’ Dun Karm tal- “Omm ħelwa li tatna isimha” hija wkoll frott is-sinteżi fih ta’ sentiment uman, nazzjonalità Maltija, u vokazzjoni reliġjuża. Meta din is-sinteżi tingħaqad mal-ħila tiegħu bħala oratur u kittieb, ifeġġ il-profil sħiħ ta’ Dun Karm li se jiġi ttrattat f’dan id-diskors b’avviċinament ġdid.

Tagħrif ieħor jista’ jinkiseb minn Dr George Farrugia, george.farrugia@um.edu.mt   jew minn fuq il-paġna tal-Facebook tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università.

X’tgħid l-istatistika dwar it-tlissin ta’ “raha”

Nhar il-31 ta’ Ottubru 2013 l-Akkademja tal-Malti flimkien mad-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku tellgħu t-taħdita: Int kif tlissinha jaqraha? Il-kelliema kienet Christina Sammut li fit-teżi tagħha stħarrġet dan il-fenomenu lingwistiku fil-pronunzja innovattiva ta’ ċerti suffissi fil-Malti. Christina Sammut ibbażat ir-riċerka tagħha fuq Malta biss u spjegat li dan il-fenomenu huwa mifrux ħafna fost iż-żgħażagħ.

Fost l-oħrajn sabet li madwar 60% tal-parteċipanti fl-istħarriġ tagħha li għandhom bejn l-10 snin u l-15-il sena qed ilissnu jaqraħħa mhux jaqraa. Madwar 88% jlissnu jaqraħħulu u mhux jaqraulu. Min-naħa l-oħra, l-adulti u l-anzjani jlissnu l-iżjed il-pronunzja standard.

It-taħdita fetaħha l-Professur Albert Borg li fisser kif dan jiġri f’kull lingwa ħajja. Jista’ jkun li wieħed isibha iebsa biex jilqa’ t-tibdil, imma l-fatti rriċerkati juru li dan it-tibdil qed iseħħ gradwalment.

Wara l-preżentazzjoni ta’ Christina Sammut kien hemm diskussjoni. Wieħed mill-għalliema kien tal-fehma li huma għandhom jibqgħu jikkoreġu lill-istudenti waqt it-tlissin “żbaljat” tagħhom. Għalliema oħra semmiet kif xi xandara qed ikunu “mudelli ħżiena”.

Fl-aħħar tkellem il-President tal-Akkademja tal-Malti, Olvin Vella, li rringrazzja lil Christina talli qasmet magħna r-riċerka u radd ħajr lit-tliet uffiċjali edukattivi tal-Malti, David Agius Muscat, George Mifsud u David Muscat li qed jappoġġjaw lill-Akkademja biex twassal lill-għalliema il-frott tar-riċerka fuq il-lingwa u l-letteratura.