Kalendarju bil-Malti għall-Primarja

Fit-8 ta’ Mejju li għadda, id-Dipartiment tal-Malti tad-Direttorat tal-Edukazzjoni flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Fondazzjoni HSBC Malta nedew il-kalendarju bil-Malti għall-Primarja. It-tnedija saret fl-Iskola Primarja tal-Marsa mat-tfal u l-amministrazzjoni tal-iskola. Għaliha attendew il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Prof. Ray Fabri, u s-Sa Sarah Watkinson, Viċi Kap tal-Fondazzjoni HSBC Malta. Preżenti wkoll kien hemm il-Prinċipal tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, James Camilleri u s-Segretarja tal-Fondazzjoni HSBC Malta, Doriette Camilleri.

Dan il-kalendarju tad-drapp tħallas mill-Fondazzjoni HSBC Malta u sar bil-għan li jkompli jissaħħaħ l-ilsien Malti ma’ wliedna sa minn età ċkejkna. Fil-fatt, tfassal apposta għal etajiet żgħar u se jgħin fit-tagħlim tal-ismijiet tal-ġranet tal-ġimgħa, tax-xhur u tal-istaġuni bil-Malti, kif ukoll fit-tagħlim tan-numri u tal-espressjonijiet Maltin li bihom niddeskrivu t-temp. Huwa riżorsa multisensorjali li għandha tgħin lit-tfal tal-primarja jitgħallmu l-Malti b’mod divertenti. Il-kalendarju joffri logħba għall-istudenti billi, ta’ kull filgħodu, jaġġornaw id-data u t-temp, malli jidħlu fil-klassi.

Il-kalendarju se jitqassam f’din is-sena skolastika u matul is-sena li ġejja lil kull klassi tal-Ewwel Sena u lil numru ta’ libreriji fl-istess skejjel. It-tir ewlieni tad-Dipartiment tal-Malti huwa li jkompli joffri riżorsi kkuluri u sbieħ, bħal dan il-kalendarju, bil-Malti lill-istudenti u l-għalliema tagħna.

Grazzi lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u lill-Fondazzjoni HSBC Malta tal-appoġġ tagħhom f’din l-inizjattiva.

Taħdita fuq l-ortografija għall-għalliema

Fit-2 ta’ Mejju ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, id-Dipartiment tal-Malti tad-Direttorat tal-Edukazzjoni u l-Akkademja tal-Malti tellgħu taħdita interessanti għall-għalliema tal-Primarja u s-Sekondarja fuq l-ortografija ta’ lsienna.

Il-kelliem kien Dr George Farrugia, lettur tal-Malti fl-Università u l-Viċi President tal-Akkademja. Huwa tkellem fuq il-prinċipji ewlenin tal-ortografija u wieġeb il-mistoqsijiet li sarulu mill-għalliema preżenti.

Nirringrazzjaw lill-Akkademja tal-Malti li qiegħda tagħtina l-appoġġ kontinwu tagħha u nirringrazzjaw lill-għalliema li attendew. Taħditiet bħal dawn jgħinuna nibqgħu aġġornati fuq is-suġġett li ngħallmu u jfakkruna kemm aħna, bħala edukaturi, għandna nkunu dejjem attenti biex nagħtu tagħrif preċiż lill-istudenti li ngħallmu.

Staqsini u nwieġbek fuq l-ortografija

Id-Dipartiment tal-Malti u l-Akkademja tal-Malti qed jorganizzaw taħdita għall-għalliema tal-primarja u tas-sekondarja fuq id-diffikultajiet li jista’ jkollhom fuq l-ortografija tal-Malti.

L-attività se jmexxiha Dr George Farrugia, lettur tal-Malti fl-Università ta’ Malta.

It-taħdita se ssir nhar it-2 ta’ Mejju 2014 mill-5.00 sas-6.30 ta’ filgħaxija, fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (National Curriculum Centre), il-Ħamrun.

Napprezzaw ħafna jekk id-diffikultajiet li għandkom fuq l-ortografija tibagħtuhom minn qabel lil Dr George Farrugia ħalli jkun jista’ jitkellem dwarhom dakinhar tat-taħdita. L-għalliema jistgħu jistaqsuh mistoqsijiet dak il-ħin ukoll.

Id-dħul huwa b’xejn.

Tagħrif ieħor issibuh f’din iċ-ċirkulari.

L-Ambaxxaturi tal-Qari fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq

Il-Ġimgħa, 31 ta’ Jannar 2014, l-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq laqgħet fil-klassijiet tagħha ħames mistednin speċjali. Dawn kienu l-Ambaxxaturi tal-Qari Claire Agius Ordway, Kurt Calleja, Keith Demicoli, Jessica Muscat u l-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo.

L-Ambaxxaturi tal-Qari qraw  storja bil-Malti u oħra bl-Ingliż lit-tfal tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Sena. Wara, il-Klabb tal-Qari tal-istess skola organizza forum fuq il-qari fis-sala tal-iskola. Fih ħadu sehem it-tfal tar-Raba’, il-Ħames u s-Sitt Sena tal-istess skola, il-Ministru tal-Edukazzjoni, l-Ambaxxaturi tal-Qari, il-Professur Charles Mifsud, il-Prinċipal tal-Kulleġġ u l-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti u l-Ingliż. L-attività ntemmet b’żewġ kanzunetti ta’ Jessica Muscat u Kurt Calleja.

 

Ħrejjef

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Akkademja tal-Malti jistiednu lill-għalliema tal-Malti u l-edukaturi interessati fil-kultura ta’ pajjiżna għal esperjenza unika ċinematografika ta’ erba’ ħrejjef Maltin.

Din se ssir fiċ-ċinema tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru 2013, fil-5.00 ta’ filgħaxija. L-attività ddum madwar nofs siegħa. Id-dħul huwa b’xejn.

Min biħsiebu jiġi għandu jikteb lis-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti, is-Sur Joe Borg, fuq info@akkademjatalmalti.com. Iċ-ċinema tesa’ 100 ruħ u jkunu aċċettati biss dawk li jirriservaw posthom l-ewwel.

Tagħrif ieħor dwar din l-attività ssibu hawn. Narawk!